NEPTUNES LEO VEGAS……….. 10 SLIEMA FRANK SALT…………… 9
(2-3), (3-2), (2-2), (3-2)
Neptunes irritornaw għar-rebħ u saħħew it-tamiet li jispiċċaw il-fażi qabel il-play-offs mal-ewwel tnejn wara rebħa ta’ 10-9 kontra Sliema Frank Salt. Kif jixhed l-iskor, kienet logħba missielta b’Neptunes jirnexxilhom joħorġu bit-tliet punti wara li f’xi ħinijiet dehru taħt pressjoni.
Minkejja t-telfa, Sliema kellhom prestazzjoni sodisfaċenti u kkonfermaw il-progress li qed jagħmlu, għalkemm għadu mhux biżżejjed biex jirbħu kontra r-rivali eterni.
Bidu tajjeb minn Sliema li permezz taż-żewġ gowls sbieħ ta’ Jerome Gabarretta ħadu l-vantaġġ iżda Neptunes wieġbu b’żewġ gowls fi ftit ħin ta’ Jordan Camilleri u Darko Brguljan. Dan sakemm Gavril Subotic reġa’ poġġa lil Sliema minn fuq.
Neptunes irnexxielhom idawru l-iskor fit-tieni sessjoni b’żewġ gowls opportunisti ta’ Gabriel Pace. Subotic ġab id-draw iżda Camilleri ħalla lil Neptunes fil-vantaġġ. Iżda s-Slimiżi temmew is-sessjoni 5-5 wara li Zach Mizzi skorja minn kontrattakk, f’azzjoni li wasslet għal protesti minn Neptunes minħabba li lmentaw li x-xutt blokkat ta’ Petar Muslim laħaq ingħata qabel intemm il-pussess.
Sliema kienu pass qabel Neptunes u ħadu vantaġġ doppju permezz ta’ Michael Spiteri Staines u Subotic. Iżda l-kwalità ta’ tim bħal Neptunes jagħmilha kapaċi li jirkupraw u għamlu fit-tielet sessjoni, b’doppjetta ta’ Jordan Camilleri, bin-numru tmienja jikkonkludi ġmiel ta’ azzjoni qabel skorja b’xutt għar-rokna.
Is-Slimiżi reġgħu ħadu vantaġġ permezz ta’ Subotic, iżda Stevie Camilleri b’azzjoni personali, Brguljan u reġa’ Camilleri minn penalty taw vantaġġ lil Neptunes għat-tielet darba fil-logħba.
Bugelli ħalla lil Sliema jittamaw b’gowl min-naħa xellugija. Neptunes kellhom iċ-ċans jagħlqu iżda wara li seraq ballun tajjeb, il-lob ta’ Nikolai Zammit ġie salvat tajjeb minn Joseph Parnis. L-isforzi finali ma kinux biżżejjed għal Sliema biex Neptunes kisbu rebħa importanti.
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace (2), P. Muslim, D. Brguljan (2), S. Camilleri (2), J. Camilleri (4), J. Abela, N. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil, S. Stellini
Sliema: J. Parnis, J. Gabarretta (2), G. Subotic (4), J. Sciberras, M. Meli, N. Hoznyansky, M. Spiteri Staines (1), L. Galea, B. Cachia, J. Gambin, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), M. Vassallo
Referees: Peter Balzan, Andrea Zedda
Il-konċentrazzjoni fattur ewlieni fir-rebħa ta’ Sirens
SIRENS GREENTUBE……………. 9 SAN ĠILJAN TUM INVEST…………. 8
(2-3), (3-3), (3-0), (1-2)
Sirens Greentube għamlu dak li għamlu s-sena l-oħra u għelbu lil San Ġiljan TUM Inves 9-8 biex temmew l-ewwel rawnd tal-kampjonat fil-quċċata. Fil-ġurnata Sirens kienu aktar dixxiplinati u ħadu vantaġġ mill-fatt li San Ġiljan kienu erratiċi fil-konklużjonijiet tagħhom.
Protagonist għal Sirens kien Valentino Gallo li skorja ħames gowls u mexxa lil sħabu fl-ilma. Christian Presciutti ma sabx ix-xibka iżda kellu logħba tajba fid-difiża u kkontrolla fost l-oħrajn lil Matthew Zammit.
San Ġiljan kellhom darbtejn fl-ewwel sessjoni b’Molina u Dobud idawru l-vantaġġ ta’ Gallo filwaqt li Molina wieġeb għat-tieni gowl personali ta’ Gallo. It-tieni sessjoni rat lil Sirens imorru darbtejn minn fuq, l-ewwel 4-3, imbagħad 5-4 wara li Aquilina wieġeb għal gowl ta’ Plumpton. Gowl sabiħ ta’ Dino Zammit u Molina tefgħu lil San Ġiljan minn fuq fi tmiem it-tieni sessjoni.
Sirens wettqu reazzjoni tajba fit-tielet sessjoni. Huma kienu solidi fid-difiża fejn bdew irażżnu l-attakki tal-avversarji u saħansitra skorjaw tliet gowls mingħajr risposta permezz ta’ Aquilina, Isaiah Riolo u Gallo.
Il-ħames gowl personali ta’ Gallo fl-aħħar sessjoni deher li seta’ jagħlaq il-logħba iżda żewġ gowls ta’ Guillermo Molina fetħu l-logħba b’żewġ minuti għat-tmiem. Fl-aħħar San Ġiljan kellhom okkażjoni minn Dino Zammit li ġiet salvata minn Nicholas Grixti u Molina kellu l-aħħar xutt tal-logħba blokkat u salvat fil-ħin.
Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, C. Presciutti, M. Grech, J. Brownrigg (1), I. Riolo (1), V. Gallo (5), J. Napier, E. Aquilina (2), L. Caruana, M. Sciberras, O. Gauci, G. Farrugia, G. Melillo
San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea, N. Dobud (1), G. Molina (5), M. Zammit (1), B. Plumpton, K. Dowling, T. Said, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (1), T. Micallef
Referees: Massimo Angileri, Stefano Alfi
Birżebbuġa jilħqu lil Valletta
BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………… 21 OTTERS NIVEA……………………. 14
(5-0), (6-5), (4-4), (6-5)
Birżebbuġa Freeport laħqu lil Valletta fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni b’rebħa faċli ta’ 21-14 kontra Otters Nivea. Il-kowċ ta’ Otters Anthony Farrugia kellu jgħaddi mingħajr il-gowlkiper Dean Camilleri, Claudio Spiteri Debarro, Marc Lanzon u Benji Lanzon. Dan għamilha aktar diffiċli għal Otters biex jilagħbu.
L-ewwel sessjoni ddettat il-kumplament tal-logħba, bit-tim ta’ Birżebbuġa jirbaħ 5-0 b’gowls ta’ Antonio Petkovic, Mattias Ortoleva, David Cutajar u doppjetta ta’ Antun Goreta. B’hekk huma setgħu jikkontrollaw il-logħba, b’Otters iwieġbu tliet darbiet konsekuttivi wara gowls ta’ Birżebbuġa.
Huma daħlu jistrieħu 11-5 u prattikament aċċertaw mir-rebħa. Fl-aħħar żewġ sessjonijiet, Otters pruvaw jillimitaw id-danni bl-iskwadra limitata li kellhom fil-ġurnata. Antonio Petkovic kompla jikkonferma l-kwalità tiegħu b’ħames gowls fl-aħħar żewġ sessjonijiet, hekk kif il-kowċ Pierre Borg ta aktar spazju lill-plejers kollha.
Birżebbuġa: D. Spiteri, M. Borg, N. Cassar (1), D. Pace Lupi, C. Mifsud (1), A. Petkovic (7), S. Vassallo (1), D. Cutajar (2), J. Bajada (2), M. Cutajar, A. Goreta (5), M. Ortoleva (2), J. Cremona
Otters: M. Xerri, F. Salamon (3), L. Hyzler (2), E. Meli (1), D. Dimech, G. Mizzi, J.L. Zahra, A. Mifsud, D. Zahra (2), I. Azzopardi, M. Filipovic (6)
Referees: Stefan Licari, Stefano Alfi
//= $special ?>