Ambjent Lokali

Approvat il-proġett kontroversjali Central Link

Se jinqerdu ammont konsiderevoli ta' siġar

Bi 8 voti favur u 3 kontra, il-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar approva il-proġett Central Link li se jgħaqqad ir-Rabat mal-Imrieħel bl-iżvilupp ta’ bypass ġdida li tgħaddi minn Ħ’Attard… Dan minkejja l-ħafna kontroversja u minkejja n-numru kbir ta’ esperti, residenti u bdiewa li tkellmu u wrew tħassib serju dwar il-progett.

Kienu 3 li vvutaw kontra dan l-iżvilupp massiċċ minn fejn ir-roundabout tas-Saqqajja sal-uffiċini tal-MFSA, fosthom id-deputat Marthese Portelli li kienet qed tirrapreżenta l-Oppozizzjoni kif ukoll l-Kunsillier Giorgio Schembri.

Ritratt: Martin Agius

Wara li spjegaw il-proposti tagħhom Infrustructure Malta flimkien ma’ uffiċjal li ħejja l-Environmental Impact Assesment, semmgħu t-tħassib tagħhom numru kbir li kienu preżenti… dan filwaqt li ħareġ biċ-ċar li konsultazzjoni pubblika ma saritx.

Il-konsulent fir-riċerka tal-kanċer, Chris Scerri qal li kull studju li sar barra minn Malta, juri li meta twessa’ triq, jiżdiedu l-karozzi u jiżdied it-trab fl-arja. Hu kompla li dan l-iżvilupp se jirranġa s-sitwazzjoni fit-toroq Maltin għal tliet snin pero fi żmien 11-il sena s-sitwazzjoni f’pajjiżna tkun għar minn dik li hi bħalissa.

Il-Viċi Kap tal-PN, David Agius semma proposti alternattivi li l-Gvern seta’ jieħu għall-kunsiderazzjoni minflokk jintefqu 55M minn flus il-poplu u jittieħed riskju li fl-aħħar mill-aħħar xorta se jwassal għal bottle necks fit-toroq. Hu staqsa jekk dan huwx filfatt żvilupp tas-Central Link jew Attard Bypass.


Ritratt: Martin Agius

Id-Deputat Simon Busuttil tkellem f’isem ir-residenti ta’ Attard fejn qal kif is-Central Link, mhux se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies b’aċċen għal dawk l-1,200 ruħ li se jiġu affettwati direttament b’dak li hu sejjaħ ‘central strip‘ għar-residenti ta’ Attard għaliex ser ikun qed jitfa’ ammont kbir ta’ karrozi quddiem il-bieb tad-dar tagħhom. Il-messaġġ ewlieni ta’ Simon Busuttil kien wieħed… Aktar toroq, ifissru aktar karozzi, aktar tniġġis.


Ritratt: Martin Agius

Tkellem ukoll Steve Zammit Lupi li jifforma parti mill-Bicycle Advocacy Group – BAG – fejn saħaq fuq il-fatt li Bicycle Lane ma jistax jibda minn nofs tat-triq iżda għandu jkun wieħed li jwasslek minn post għall-ieħor mingħajr ma wieħed jipperikola ħajtu. Hu ta ħarsa lejn il-karreġjati kollha li se jkunu parti mis-Central Link fejn fosthom semma’ kif uħud iġibuk kontra l-kurrent tal-karozzi, oħrajn ġol-ħajt. Il-BAG qalu li tkellmu ma Infrustructure Malta, qalluhom xi jridu iżda ġew injorati… anke jekk dawk li jużaw rota bħala mezz ta’ trasport huma verament is-soluzzjoni għat-traffiku ta’ pajjiżna.

Michael Brigulio staqsa kif inhu possibli li ma kien hemm l-ebda alternattiva oħra u tefa’ dubju serju dwar kif saru s-suveys u s-sampling li l-Infrustructure Malta qalu li l-pubbliku inġenerali hu favur.

Għalkemm għal bosta drabi, Infratructure Malta qalet li tkellment mal-bdiewa, ħafna bdiewa li kienu preżenti semmgħu leħinhom u aċċertaw li din il-konsultazzjoni qatt ma saret. Il-bdiewa qalu li s-Central Link se toqtlilhom l-għejxien tagħhom filwaqt li semmgħu l-fatt li fiċ-ċifri tas-siġar li l-Gvern qal li se jħawwel wara li jaqla… qatt ma semma’ il-mijiet ta’ siġar tal-frott li dawn il-bdiewa għandhom fl-għelieqi tagħhom.

Opponew dan il-proġett ukoll bosta kunsilliera u l-Moviment Graffiti.


Ritratt: Martin Agius

Preżenti fost il-pubbliku kien hemm numru kbir ta’ ħaddiema li jiffurmaw parti mil-ministeru ta’ Ian Borg li qattgħu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom iċċapċpu kull meta tingħata tweġiba mill-Infrustructure Malta, lil dawk li bdew joppunu.


Ritratt: Martin Agius

Il-proġett li se jeqred 48,000 metru kwadru ta’ art agrikola u joqtol iktar minn 600 siġra.

Iċ-chairman tal-ERA ivvota favur.


Ritratt: Martin Agius