Futbol Sport

Balzan, Gżira u Hibernians jippruvaw jirkupraw żvantaġġ mill-ewwel logħba

(Ritratt: Matthew Tabone)

Wara li t-Tlieta ċ-champions Maltin Valletta għaddew għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League, illum ikunu fl-azzjoni t-tliet timijiet Malti li qed jilagħbu fil-UEFA Europa League. Missjoni ftit diffiċli għal Gżira United u Balzan li tilfu f’pajjiżna l-ġimgħa l-oħra, filwaqt li mhix impossibbli għal Hibernians li jdawru r-riżultat wara t-telfa fl-ewwel konfront.

L-aktar diffiċli fosthom hi l-logħba ta’ Gżira United li fl-ewwel logħba fis-Centenary Stadium tilfu 2-0 kontra Hajduk Split u għalhekk biex jikkwalifikaw għandhom bżonn rebħa b’distakk ta’ tliet gowls sakemm ma jiskorjawx tliet gowls għaliex f’dak il-każ anki rebħa ta’ 3-1 tkun biżżejjed.

Quddiemhom għandhom tim li kif kien evidenti fl-ewwel logħba, hu aħjar teknikament u anki fiżikament. Forsi l-akbar diżappunt tal-kowċ ta’ Gżira United Giovanni Tedesco  hu li minkejja d-differenza bejn iż-żewġ timijiet, Gżira sofrew gowls lejn it-tmiem ta’ kull taqsima.

L-ewwel gowl wasal minn penalty li Justin Haber mess u ħabat mal-wieqfa qabel spiċċa għand l-istess plejer, filwaqt li t-tieni gowl wasal bl-aħħar xutt tal-logħba wara passaġġ ħażin fl-attakk ta’ Elvis Sakyi li spiċċa f’kontrattakk u wassal għat-tieni gowl.

Balzan offrew oppożizzjoni denja lit-tim mis-Slovenja Domzale iżda minkejja li kellhom il-vantaġġ f’xi mumenti, spiċċaw telliefa 4-3. Rebħa ta’ 2-0 tara lil Balzan jikkwalifikaw u fil-passat kienu urew il-kwalità tagħhom wara li kienu rebħu fl-Ażerbajġan.

Hibernians jilagħbu fis-Centenary Stadium kontra Shakhtyor Soligorsk wara telfa ta’ 1-0 fil-Belarus. L-avversarji jistgħu jitqiesu tal-istess livell jew ftit aħjar minn Hibernians. Minkejja li kien hemm xi tibdil fit-tim Pawlist, Hibernians għandhom kwalità u jekk ikunu attenti fil-logħba kapaċi jgħaddu għat-tieni rawnd.

Il-logħbiet tat-timijiet Maltin illum

Hajduk Split v Gżira United 8.00pm, Hibernians v Shakhtyor Soligorsk 8.00pm, Domzale v Balzan 8.45pm