Festi Knisja Kultura Lokali

FILMAT: Il-Kurja tal-Arċisqof miftuħa għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa

Bosta swali u oġġetti storiċi għall-wiri

Il-binja storika tal-Kurja Arċiveskovili fil-Furjana, binja ta’ aktar minn 270 sena ta’ okkupazzjoni differenti, se tkun miftuħa għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa li ġejja.

Ritratt: Martin Agius

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, tkellem ma’ Net News dwar l-istorja tal-Kurja Arċiveskovili.

 “Din il-binja spiċċat tinbena fl-1750 u dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa. Manresa huwa post fil-lvant ta’ Spanja fejn madwar 500 sena ilu, Sant’ Injazju kien kiteb l-eżerċizzji spiritwali u propju din id-dar kienet dar tal-irtiri fejn kienu jiġu lajċi u reliġjużi  għall-irtiri. Dak iż-żmien, il-post kien ’il barra mill-Belt Valletta, iġifieri kien għall-kwiet u allura dak li jkun seta’ jirtira mill-belt u jiġi hawnhekk biex jitlob fil-kwiet u fil-paċi. Il-fundatur kien il-Ġiżwita Rev. Pierre Francesco Rosignoli.”

Ritratt: Martin Agius

Maż-żmien, il-binja serviet bħala barracks tas-suldati, sptar għal xi żmien u seminarju sakemm l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-1977 trasferixxa l-Kurja Arċiveskovili mill-Belt għal din il-binja.

L-Arkivista Djoċesan, il-Kanonku Nicholas Doublet, tkellem magħna dwar l-esebiti storiċi li se jkunu għall-wiri fil-Kurja, li huma sinifikattivi għall-istorja tal-Arċidjoċesi u l-pajjiż.

 “Għażilna dokument li jmur qabel l-Assedju l-Kbir, li huwa editt tal-Isqof Cubelles. Interessanti ħafna ukoll huwa dokument li jġib il-firma ta’ Napuljun, meta fiż-żmien qasir li għamel Malta ta għad-dispożizzjoni tal-Isqof ta’ Malta l-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann, il-Kon-Katidral. Għażilna ukoll dokument li fih il-Papa Pawlu VI awgura lill-poplu Malti, fil-persuna tal-Arċisqof Gonzi, fl-okkażjoni tal-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna. U għandna ukoll dokument marbut ma’ parroċċa, f’dan il-każ ħadna dokument mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Furjana, anki biex nirriflettu l-ħajja ordinarja tal-Knisja f’Malta.

Ritratt: Martin Agius

Id-dokumenti fl-Arkivji jixħthu dawl fuq kull strata tas-Soċjetà Maltija peress li l-Knisja kienet iżomm dokumentazzjoni tal-populazzjoni tul is-sekli.

Ritratt: Martin Agius

Intant, il-Kurja se tkun miftuħa s-Sibt bejn il-5 u d-9 ta’ filgħaxija u l-Ħadd bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1 ta’ waranofsinhar:

 “Se jkunu miftuħin diversi kmamar biex wieħed ikun jista’ japprezza aħjar dan il-post. Fosthom għall-wiri se jkun hemm ir-refettorju, il-Kappella, il-bitħa, fl-ewwel ta’ sular wirja tal-arti ta’ Joseph Calleja, se jkun hawn kunċert strumentali bl-arpa u l-kitarra u treasure hunt ukoll għat-tfal.”

Ritratt: Martin Agius

Għall-Festa ta’ San Kalċidonju se jsiru żewġ quddisiet, waħda s-Sibt fis-7pm u oħra l-Ħadd fl-10am, fejn se jkun espost il-korp sant tal-qaddis fil-Kappella ta’ Manresa ġol-Kurja.