Festi Knisja Kultura Lokali

FILMAT: Santa Venera fl-ewwel tempju tagħha

Il-Vendriżi jfakkru ċ-ċentinarju tal-Vara Titulari

Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-miġja tal-vara Titulari ta’ Santa Venera fir-raħal li jġib isimha, il-vara rritornat lura fl-ewwel dar tagħha l-Erbgħa filgħaxija wara pellegrinaġġ devozzjonali li telaq mill-Knisja Parrokkjali.

Żorna l-Knisja Parrokjali l-Antika ta’ Santa Venera u laqana l-Pirjol tal-komunità Karmelitana, Patri Jurgen Cucciardi, illi tana aktar tagħrif dwar din il-vara.

 “Il-Vara Titulari ta’ Santa Venera saret propju 100 sena ilu mill-istatwarju Qormi tal-kartapesta, Karmenu Mallia, imlaqqam ‘il-Lhudi’. Il-benefattur tal-istatwa kien is-Sur Tumas Dalli, li kien joqgħod hawnhekk f’Santa Venera. Huwa kien għamel wegħda li jekk ifieq mill-marda li kienet ħakmitu, kien se jagħmel statwa għal din il-Knisja li qegħdin fiha.”

Infatti, l-benefattur kien jgħix passejn ’il-bogħod minn dina l-Knisja propju f’Misraħ Santa Venera. Din il-Vara tlestiet f’ħin tajjeb sabiex setgħet tinhareg għall-ewwel festa li kienet ħa tiġi ċċelebrata mill-Parroċċa wara t-twaqqif tagħha fl-4 ta’ Settembru 1918.

Ritratt: Martin Agius

Propju bi preparazzjoni għal dawn iż-żewġ ċentinarji sussegwenti, il-Vara Titulari sentejn ilu għaddiet minn proċess ta’ restawr u induratura ġdida għand l-induratur Horace Farrugia tal-Imdina.

Il-Pirjol qalilna li l-aspettativa tal-Vendriżi li jiffrekwentaw dina l-Knisja kienet waħda kbira għal din il-ġrajja storika tar-raħal:

“In-nies stennew ħafna għal dan l-avveniment. Xhieda għal din l-istennija kbira kienet il-parteċipazzjoni tal-Vendriżi fil-Pellegirnaġġ kif ukoll fit-toroq tal-madwar, ħarġu ħafna nies jaraw dan il-Pellegrinaġġ sakemm il-Vara waslet hawnhekk.”

B’hekk il-funzjonijiet liturġiċi tal-Festa se jitkomplew f’din il-Knisja fil-jiem li ġejjin:

 “L-ewwel parti tal-festa ssir propja f’dina l-knisja. Illejla jkun hawn quddiesa b’talb għall-mejtin li mietu matul din l-aħħar sena. Għada jkun hawn adorazzjoni wara l-quddiesa ta’ filgħaxija mmexxija mill-membri tal-għaqdiet. Il-festa tissokta l-Ħadd bil-preżentazzjoni tat-trabi lil Santa Venera biex imbagħad it-Tnejn, il-Vara ta’ Santa Venera tirritorna fil-Knisja Parrokkjali minn fejn titkompla l-festa għal matul dina l-ġimgħa.”

Il-Purċissjoni nhar it-Tnejn toħroġ mill-Knisja l-Qadima fis-7 ta’ filgħaxija u tkun akkumpanjata mis-Soċjetà Filarmonika Santa Venera sad-dħul tagħha fil-Knisja Parrokkjali.

Ritratt: Martin Agius