Ekonomija Lokali

Il-GRTU mħassba dwar il-kriżi fis-settur bankarju

Titlob lill-PM għal soluzzjonijiet immedjati u fit-tul

Il-Kamra li tirrappreżenta n-Negozji Żgħar u Medji, il-GRTU esprimiet it-tħassib serju tagħha għas-sitwazzjoni bla preċedent li n-negozji qed jesperjenzaw mas-settur bankarju. 

Din il-pożizzjoni ċara ppreżentawha lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’laqgħa li kellhom f’Kastilja.

Il-President tal-GRTU, Paul Abela, enfasizza li qed jinitilef n-negozju kuljum preċett… u jesiġu li l-Gvern jintervjeni fejn jista’ jgħin lin-negozji. Abela ma jistax jifhem kif huwa eħfef għall-klijenti tan-negozji jiftħu intrapriża milli jiftħu kont tal-bank f’Malta. Dan għaliex il-banek qed iġebbdu għal kważi sena biex jiftħu kont ġdid tal-bank, anki f’setturi meqjusin mhux daqshekk ta’ riskju.

Din il-kriżi bankarja qed twassal lill-investituri jiddubitaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u sussegwentament jevalwaw jekk għandhomx jinvestu aktar f’pajjiżna jew le. B’hekk is-settur bankarju qiegħed igerrex dan l-investiment ta’ valur għal Malta lil hinn minn pajjiżna.

Il-GRTU qalet illi huwa evidenti li s-settur bankarju għandu nuqqasijiet kbar fil-proċeduri li biha jingaġġaw klijenti ġodda. In-negozji ma jistgħux joperaw f’dan il-limbu meta l-banek jirrifjutaw li jiftħu kont bankarju jew jagħlquh bla ebda raġuni, anki ma klijenti li normalment il-banek jaħdmu b’mod regolari.Għalhekk il-ħtieġa ta’ banek addizzjonali biex joperaw f’pajjiżna u proċedura ta’ applikazzjonali identika fost il-banek Maltin sabiex jinstab żblokk għal din il-kriżi u jiġi strutturat il-proċess sabiex klijent jiftaħ u jaċċessa faċilment kont bankarju.