Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu jieħu pożizzjoni ċara dwar żvilupp li jista’ jeqred il-wirt storiku u kulturali tal-Belt Kapitali.
Sostna dan il-Minority Leader tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta Christian Micallef li fuq post fuq il-paġna tiegħu irrefera għall-iżvilupp propost ta’ palazz tas-seklu 18 fi Triq l-Ifran isir uffiċini.
L-iżviluppatur hu l-Avukat Pawlu Lia u l-proġett qed jipproponi bini ta’ sulari addizzjonali. Żewġ NGO’s – Din l-Art Ħelwa u Flimkien Għal Ambjent Aħjar, diġa’ esprimew it-tħassib tagħhom li dan il-proġett se jkollu effetti drastiċi fuq l-iskyline tal-Belt Valletta.
Christian Micallef kompla li qabel tittieħed deċiżjoni mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, il-Kunsill Lokali għandu jkollu l-garanziji kollha li d-deċiżjoni tkun konformi mar-regolamenti u policies tal-istess Awtorita’.
Fuq kollox, li dan l-iżvilupp ma jwassalx biex jinħolqu, jew ikomplu jinħolqu iktar preċedenti għal permessi oħra li jistgħu ikomplu jgħarrqu l-wirt storiku tal-Belt Valletta.
Sostna li f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet, il-Kunsill Lokali għand jieħu interess dirett fil-proċess tal-ħruġ ta’ dawn il-permessi, u li jkollu posizzjoni ċara u ġusta
Christian Micallef tenna li l-Kunsill Lokali għandu jibqa’ jiddefendi b’kull mod possibbli l-wirt storiku tal-bini li hemm fil-lokalita’, mhux l-inqas minħabba li l-Belt Valletta hi wirt dinji kif klassifikat mill-Aġenzija UNESCO u għaldaqstant, il-Kunsill għandu responsabbilta’ kbira li jissalvagwardja dan il-wirt.
Il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Belt talab lill-Kunsill sabiex jieħu parir mingħand periti dwar dan l-iżvilupp għaliex bħala rappreżentanti eletti mir-residenti Beltin, il-Kunsillieri għandhom l-obbligu li jħarsu il-wirt tal-Belt Valletta.
//= $special ?>