Edukazzjoni Lokali

”Ir-riforma mill-MATSEC saret mingħajr konsultazzjoni”

Ir-riforma fl-edukazzjoni post sekondarja proposta mill-MATSEC saret mingħajr konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed. Il-proposta tisħaq li hemm bżonn bidla strutturali sabiex l-istudenti Maltin jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu f’soċjetà Maltija li tagħmel parti minn soċjetà Ewropea. Iżda din ir-riforma proposta tagħmel bil-maqlub, hekk kitbu fi stqarrija id-dipartimenti kollha tal-Malti u l-Ingliz.  

Din il-proposta ta’ riforma se twassal biex:

  1. Minflok ma jissaħħu il-Malti u l-Ingliż, ir-riforma se ddgħajjifhom bil-kbir;
  2. Bosta studenti jiġu mċaħħda mhux biss mill-kitba imma anke mit-tagħlim tal-letteratura taż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna. Kontra dak li qed jipproponi l-MATSEC, fil-bqija tal-Ewropa l-letteratura hija komponent fundamentali fl-edukazzjoni.
  3. Ħafna inqas studenti jitgħallmu l-Malti jew l-Ingliż f’livell xieraq u dan ikompli jfaqqar il-livell tal-Malti u l-Ingliż.
  4. L-istudenti se jkollhom jistudjaw lingwa barranija bilfors, tard ħafna fl-edukazzjoni tagħhom

Fl-istqarrija, il-MATSEC qed tintalab tirrevedi b’mod għaqli din il-proposta ta’ riforma billi tibda konsultazzjoni serja li twassal biex noffru lill-istudenti f’pajjiżna edukazzjoni li tagħmilhom ċittadini u ħaddiema Maltin u Ewropej.F

L-istqarrija kienet maħruġa mid-Dipartimenti tal-Malti fl-Università ta’ Malta u minn membri mid-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta (Dr Mario Aquilina, Dr Krista Bonello Rutter Giappone, Prof. Stella Borg-Barthet, Prof. Ivan Callus, Prof. James Corby, Dr Petra Caruana Dingli, Dr Giuliana Fenech, Dr Maria Frendo, Dr Marija Grech, Prof. Lydia Sciriha, u Prof. Peter Vassallo), mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università ta’ Malta, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Junior College, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Kulleġġ San Alwiġi, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-kulleġġ De La Salle, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti Università, l-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin,l-English Speaking Union u l-Għaqda tal-Istudenti tad-Dipartiment tal-Ingliż.