Ewropa Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

L-ebda qbil dwar l-immigrazzjoni

Il-Gvern Malti jiżfen fin-nofs

Jumejn ta’ taħdidiet f’Helsinki ma wasslu għall-ebda qbil sinifikanti dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni. Dan hekk kif il-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti, u l-vjaġġi klandestini kontinwi li bħalissa qed jitilqu mill-Afrika ta’ Fuq lejn il-kontinent Ewropew.

Quddiem it-traffikar ta’ persuni, l-Italja qed iżżomm sod. Franza u l-Ġermanja mhux jaqblu mal-Viċi Prim Ministru Matteo Salvini. U Malta, rappreżentata mill-Ministru Michael Farrugia, donnu spiċċat tiżfen fin-nofs.

Kollox idur madwar il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà illi qed jiġi propost mill-Unjoni Ewropea, iżda li ma tantx niżel sew ma’ Salvini illi qed jopponi dan il-pjan.

Iffaċjat b’din is-sitwazzjoni, ftit li xejn jidher li hemm soluzzjonijiet min-naħa tal-Gvern Malti. Tant li l-Prim Ministru qisu jrid li jħalli kollox għal wara s-sajf, u jiddiskuti din il-kwistjoni f’laqgħa pjanata għal Settembru li ġej. Sa issa f’pajjiżna waslu ftit aktar minn 1,000 immigrant mill-bidu tas-sena ‘l hawn.