Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-MEP Casa jagħżel id-delegazzjoni tal-Peniżola Għarbija biex ikompli l-ħidma tiegħu fuq 17 Black

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

Il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa ġie konfermat bħala membru tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Peniżola Għarbija.

F’reazzjoni għal dan ir-rwol ġdid, Casa qal: “Irridu noħolqu koperazzjoni aħjar ma’ pajjiżi bħall-Emirati Għarab Magħquda. Jeżistu każi fejn il-koperazzjoni mal-awtoritajiet Ewropej dwar korruzzjoni internazzjonali u ħasil ta’ flus ma ħadmitx. Dan għandu jinbidel. L-UAE għandu jkun aktar viġilanti biex jassigura li s-sistema finanzjarja tiegħu ma tintużax għall-kriminalità, u li meta jkun ovvju li dan ikun seħħ, jittieħdu miżuri biex titwettaq il-ġustizzja.”

L-MEP Casa għażel speċifikament biex ikun parti minn din id-delegazzjoni biex ikun f’pożizzjoni aħjar biex ikompli l-ħidma tiegħu fuq 17 Black, il-kumpanija sigrieta li s-sid tagħha hu d-direttur tal-Power Station li ġiet ikkummissjonata mill-Gvern Laburista. Dokumenti li ġew illeakjati juru wkoll li 17 Black kellha titrasferixxi €150,000 kull xahar f’kull kumpanija tal-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Id-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Peniżola Għarbija hi waħda mill-“idejn diplomatiċi tal-Parlament Ewropew” u tikkontribwixxi biex tirrapreżenta lill-Unjoni Ewropea fir-reġjun tal-Golf, u biex tippromwovi l-valuri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-prinċipji tad-demokrazija, r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt.

Casa se jifforma wkoll parti mill-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, fejn se jkompli l-ħidma tiegħu fil-protezzjoni tal-ġurnalisti. Casa mar Istanbul fejn iltaqa’ mal-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker li kienet qed tiffaċċja akkużi wara r-rappurtaġġ fattwali dwar il-Paradise Papers. L-akkużi kontra Ünker issa twaqqgħu.

Din il-ġimgħa fi Strasburgu, l-MEP Casa beda x-xogħol tiegħu wkoll bħala Kwestur tal-Parlament Ewropew. Hu pparteċipa fil-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, kif ukoll waqt il-Kulleġġ tal-Kwesturi. Minħabba dan ir-rwol ġdid, li jpoġġi lil Casa fl-ogħla kariga bħala MEP Malti, hu kellu jirrinunzja mir-rwol ta’ Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, iżda se jibqa’ attiv fil-leġiżlazzjoni dwar l-affarijiet soċjali.