Pedro Lopez de Haro rebaħ il-kategorija tal-irġiel filwaqt li Lisa Marie Bezzina spiċċat l-ewwel f’dik tan-nisa, fit-tieni tellieqa tal-Eurosport 5K Road Running Series organizzata minn Birkirkara St Joseph taħt l-awspiċi tal-MAAA. F’din it-tellieqa li ħadu sehem fiha aktar minn 200 atleta, spikka r-riħ qawwi fil-by-pass tal-Imtarfa minkejja li hu post ftit kenni.
Simon Spiteri kellu bidu tajjeb u kien qed jissielet kontra Pedro Lopez de Haro għal ħafna mit-tellieqa. Lejn l-aħħar, Lopez de Haro kiseb il-kmand neċessarju u rebaħ b’distakk ta’ seba’ sekondi fuq Spiteri, biż-żewġ atleti jtejbu l-ħin mit-tellieqa preċedenti. Mark Herrera tejjeb il-ħin tiegħu bi 30 sekonda u temm fit-tielet post.
Fil-kategorija tan-nisa, Lisa Marie Bezzina kompliet il-perjodu pożittiv tagħha bi prestazzjoni impekkabbli biex daħlet l-ewwel. Hi rebħet b’distakk komdu fuq Tara Abdilla li temmet it-tieni filwaqt li l-veterana Carmen Hili spiċċat fit-tielet post u tejbet il-ħin tagħha b’20 sekonda mit-tellieqa preċedenti.
It-tielet u l-aħħar tellieqa minn din is-serje ssir it-Tlieta 13 ta’ Awwissu fis-6.30pm. L-atleti li jixtiequ jirreġistraw jistgħu jidħlu fis-sit www.bkarastjoseph.com jew jattendu tal-anqas siegħa qabel il-bidu tat-tellieqa fil-ġurnata.
//= $special ?>