Lokali

”Oppożizzjoni kostruttiva li ttejjeb l-kundizzjonijiet tal-proġett tat-trakka taż-żwiemel u l-polo fil-Marsa” – PN

Bl-insistenza tal-Oppożizzjoni, d-dilettanti u s-sidien taż-żwiemel, u l-isportivi tal-polo, se jkollhom kundizzjonijiet aħjar bil-ftehim milħuq fil-Parlament ilbieraħ.

Permezz tar- rappreżentanti tagħha fuq il-Kumitat tal-Verifika, l-Oppożizzjoni rnexxielha tressaq u tassigura is-segwenti proposti ġodda li ma kienux fil-kuntratt oriġinali kif imressaq oriġinarjament fil- Parlament:

  • Il-Partit Nazzjonalista insista li dan għandu jkun primarjament investiment sportiv, u għaldaqstant l- operatur jkun legalment marbut li jinvesti bħala somma minima €24 miljun speċifikament fil-faċilitajiet sportivi tal-korsa tal-Marsa.
  • L-ispeċifikazjonijiet u standards ta’ dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu determinati mill-Awtorità li se tiġi stabbilita mill-Gvern bħala regolatur;
  • Ix-shareholders tal-operatur ma jistgħux jinbidlu fl-ewwel erba’ snin mingħajr il- kunsens tal-Gvern u dan sabiex jiġi assigurat illi l-ewwel irid jitlesta l-proġett.
  • Il-prize money tar-rebbieħa tat-tiġrijiet taż-żwiemel għandhom jiżdiedu mill-inqas b’10% fl-ewwel sena u bi 3% fis-sena sussegwentament.
  • Il-prezz tal-kitba tat-tiġrijiet taż-żwiemel m’ghandhix tkun deċiżjoni f’idejn l-operatur privat iżda f’idejn l-Awtorità sabiex nassiguraw l-interessi tas-sidien taż-żwiemel li ma jiġux imgħobbija b’aktar spejjeż;
  • Il-parkeġġ għandu jkun b’xejn għas-sewwieqa tal-karrijiet taż-żwiemel u s-sidien tagħhom;
  • Ix-xogħol fuq il-korsa tal-Marsa m’ghandux idum iktar minn sitt xhur, idealment inqas, sabiex iż-żmien li fih iż-żwiemel idumu wieqfa jkun minimizzat kemm jista’ jkun;
  • Titneħħa l-possibbiltà li jiġu introdotti tlielaq tal-klieb, wara l-appell pubbliku magħmul
  • mill-għaqda non-governattiva Malta Society for the Protection and Care of Animals
  • (MSPCA);
  • Jintlaħaq ftehim mal-Malta Polo Club qabel u mhux wara il-kuntratt.


Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, intqal ukoll kif għal dak li għandu x’jaqsam il-Malta Polo Club, l-Oppożizzjoni għamlitha ċara illi mill- bidunett tad-diskussjoni li ma kinitx se taċċetta sitwazjoni fejn il-kuntratt mal-operatur kien se jiġi finalizzat qabel ma dan laħaq ftehim mal-Malta Polo Club dwar il-kundizzjonijiet għall- użu min-naħa tagħhom tal-faċilitajiet sportivi fil-Marsa.

Kien biss wara insistenza tal- Oppożizzjoni li rappreżentanti tal-operatur u tal-Gvern reġgħu ltaqgħu mal-Malta Polo Club u ntlaħaq ftehim aċċettabbli għall-Malta Polo Club dwar l-użu tal-faċilitajiet sportivi , liema ftehim issa ddaħħal bħala parti tal-istess kuntratt. B’riżultat ta’ dan il-futur tal-Malta Polo Club, li huwa l-eqdem polo club fl-Ewropa, ġie ssalvagwardjat.

L-Oppożizzjoni qajmet ukoll ir-riżervi qawwija tagħha fuq il-proċess tar-Request for Proposals li kien inħareġ mill-Gvern, inkwantu li dan ma kien jagħmilha ċara xejn illi proponent seta’ jdaħħal żvilupp kummerċjali u żvilupp tal-car park fil-proposta tiegħu.

Madankollu, in vista tal-fatt illi l-proġett kien milħuq u aċċettat mill-imsieħba sportivi fil-Marsa, u wara li ġew aċċettati numru ta’ kundizzjonijiet magħmula mill-Oppożizzjoni sabiex isaħħu l-kuntratt u jagħtu aktar protezzjoni lill-element sportiv fuq dak kummerċjali, għaliex id-dixxiplini tat- tiġrijiet taż-żwiemel u dak tal-polo jixirqilhom aħjar, l-Oppożizzjoni b’deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari għażlet li tivvota favur dan il-proġett.