Futbol Sport

Valletta issa kontra l-Ungeriżi ta’ Ferencvaros

L-avversarji ta’ Valletta fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League huma Ferencvaros. Dan wara li ċ-Champions Ungeriżi l-Erbgħa filgħaxija eliminaw liċ-Champions Bulgari Ludogorets wara li għelbuhom 3-2 fil-Bulgarija u għalhekk għaddew b’aggregate ta’ 5-3.

Valletta se jilagħbu l-ewwel leg għal darba oħra barra minn darhom, liema partita se tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej bil-partita ta’ ritorn se tintlagħab it-Tlieta, 30 ta’ Lulju.

Il-kowċ ta’ Valletta meta mistoqsi minn NET TV wara l-kwalifikazzjoni kontra FC Dudelange dwar ma’ min jixtieq jiġi, jekk hux maċ-Champions Bulgari jew Ungeriżi, huwa kien qal li jippreferi lil Ferencvaros, fuq il-bażi ta’ vjaġġ, għax it-tnejn huma timijiet ta’ kwalità.

Valletta rnexxielhom jikkwalifikaw wara li eliminaw liċ-Champions ta’ Lussemburgu bil-gowls away, wara draw ta’ 2-2 away u draw ta’ 1-1 home. Ferencvaros kien lagħbu kontra Floriana fl-1972, meta l-avversarji tagħhom kienu Floriana. Dak inhar il-Maltin kienu rebħu 1-0 bi ġmiel ta’ gowl ta’ Louis Arpa, partita valida għat-Tazza UEFA, (illum Europa League). Ferencvaros kienu rebħu l-partita ta’ ritorn 6-0.

Fl-istaġun 2003/04 l-Ungeriżi lagħbu kontra Birkirkara u kienu rebħu ż-żewġ logħbiet 1-0 f’darhom u 5-0 f’pajjiżna biex fl-istaġun 2014/15 lagħbu kontra Sliema Wanderers fl-Europa League f’Lulju tal-2014 u kienu għaddew b’aggregate ta’ 3-2 wara draw ta’ 1-1 f’Malta u rebħa ta’ 2-1 għal Ferencvaros f’pajjiżhom.