Konferma oħra li l-Gvern se jkompli jżid il-famuzi kontejners minflok il-klassijiet.
Xiehda tan-nuqqas ta’ ppjanar għall-Edukazzjoni minn naha tal-Gvern Laburista, fejn qed ikomplu jispikkaw miżuri temporanji u mgħaġġla biex jipprova jsolvi l-kriżi ta’ nuqqas ta’ spazju fl-iskejjel.
Fil-fatt, fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Gvern ħareġ tender għall-installazzjoni ta’ aktar kontejners li se jintużaw bħala klassijiet. Dan se jsir fl-Iskola Primarja tar-Rabat li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Nikola kif ukoll fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel li tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Santa Tereża.
Bosta huma nkwetanti minħabba l-fatt li dawn il-kontejners li qed jintużaw bħala klassijiet se jkomplu jnaqqsu l-ispazju miftuħ fl-iskejjel – spazju li diġa huwa ristrett fl-iskejjel imsemmija. U fi żmien fejn irridu rrawmu aktar kuxjenza ta’ spazju miftuħ li jinċentiva l-eżerċizzju fiżiku, huwa ironiku li qed jittieħdu dawn l-istess spazji, sempliciment għaliex il-Gvern baqa’ jitnikker milli jaħseb bil-quddiem għall-bidliet li rridu naffacjaw fis-snin li ġejjin.
Fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar, fl-ahhar snin diġa’ kien hemm ammont ta’ studenti jitgħallmu f’dawn il-kontejners. Il-Gvern minn naha tieghu ilu sitt snin jkaxkar saqajh biex jibni skejjel godda. Kuntrarju ghal qabel, meta Gvern Nazzjonalista kien jibni skola gdida kull sena.
Fil-Parlament il-Ministru Evarist Bartolo stess kien ħabbar li se jkollu jirrikorri għall-kontejners anke għall-iskola sekondarja taż-Żejtun biex jintużaw mill-edukaturi u l-istudenti.
Dan kollu juri li l-Gvern m’għandu ebda direzzjoni fis-settur tal-Edukazzjoni u wisq iktar l-ebda pjan għall-ammont ta’ familji bit-tfal…inkluz dawk barranin… li qed jiżdiedu f’pajjiżna.
//= $special ?>