Lokali

Anzjana fil-faqar minħabba mediċini ‘out of stock’

“Spiċċajt fil-faqar”
“Trid ittihom biex tinqeda’”

Din hija l-karba ta’ anzjana ta’ 67 sena li mill-ħames tipi ta’ pilloli li għandha bżonn tieħu, l-isptar l-ebda medicina ma tawha … u dan għax m’għandhomx.

Centraline tiswa €19.67 …
Celerina tiswa €19.67 …
Natrilix tiswa €9 …
Glucophage tiswa iktar minn €10 …
U l-Ventolin €10 …

L-istess għall-isticks li tuża għaz-zokkor, hi kellha tonfoq ‘il fuq minn €100, u €25 oħra għal magna taz-zokkor. Dan kollu għax l-isptar ma kellhomx biex jgħinuha.

Dawn huma l-pilloli kollha u affarijiet oħra li din l-anzjana għandha bżonn tieħu, iżda jidher biċ-ċar li l-Gvern mhux qed jisma’ lil min hu batut. Hi spjegatilna li dawn il-flus kollha, propju ‘l fuq minn €180, trid tohroghom kull xahar minn pensjoni ta’ €500.

U wieħed ma jridx jinsa li din il-mara, li hi separata, trid tħallas id-dawl u l-ilma, il-kera tad-dar, u tixtri l-ikel … fost diversi bżonnijiet oħra ta’ kuljum – dan kollu bi kwazi €300 li jibqala mill-pensjoni wara li tixtri l-medicina li għandha bżonn biex tgħix.

Sfortunatament, dan kollu wassalha biex tissellef il-flus mingħand binha għax mhix tlaħħaq ma’ dak kollu … iżda min m’għandux familjari min jgħinu, dawn x’jagħmlu?…saqsiet l-anzjana li ma xtaqitx nizvelaw l-identita taghha.

Madanakollu, minkejja l-għajnuna li għandha mingħand binha din l-anzjana xorta waħda mhix tlaħħaq u  spiċċat ma’ tieħux il-medicina kollha preskritta mit-tabib tagħha minħabba li ma taffordjax din in-nefqa.