Lokali

Att vandalu fuq il-propjetà tal-ERA

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) tikkundanna bla riżervi l-attakk vandalu li sar fuq il-bini tal-istess Awtorità fil-Marsa matul il-lejl li għadda. Il-Pulizija qed tinvestiga dan l-att vandalu u qed tkun eżaminata evidenza, fosthom filmati li nġibdu permezz tas-sistema CCTV.

Jidher li dan l-att vandalu hu relatat mad-decizjoni li ttieħdet ilbieraħ mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq l-applikazzjoni tas-Central Link Highway Development. L-ERA tikkjarifika li bħala konsulent estern mal-Awtorità tal-Ippjanar, tul ix-xhur li għaddew eżaminat dan il-proġett bir-reqqa u assessjat l-istudju dettaljat tal-Environmental Impact Assessment (l-EIA) fejn anka skont il-prattici adottati, ħejjiet rapporti dwar tali EIA, li nkludew ammont sostanzjali ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

L-ERA tinnota wkoll kif apparti li ġew imposti diversi kundizzjonijiet, permezz ta’ diskussjonijiet xprunati mill-istess Awtorità, parti mill-pjanijiet oriġinali tal-proġett ġew mibdula biex l-impatt fuq is-siġar jonqos b’mod drastiku u jonqos b’mod sinnifikanti wkoll limpatt fuq l-ammont ta’ art li se tittieħed.

L-Awtorità tibqa’ b’mod kostanti twettaq ħidma sabiex toffri l-aktar element ta’ protezzjoni lill-kapital naturali tagħna u dan permezz tal-għodda u l-parametri stabbiliti bil-liġi