Futbol Sport

Gowl dubjuż jaqta’ saqajn lil Hibernians li jsofru l-eliminazzjoni

Gowl li deher li ma kienx qabeż il-linja fatali fil-65 minuta qata’ saqajn lill-Hibernians li sa dak il-ħin kienu qegħdin jagħmlu minn kollox biex jiskorjaw il-gowl li bih iġibu l-aggregate wara t-telfa ta’ 1-0 kontra Shakhtyor Soligorsk barra minn darhom.

Fil-kompetizzjonu tal-Europa League it-tim minn Raħal Ġdid għamel ħinijiet twal bi plejer iktar. Kien kontra x-xejra tal-logħob li huma sofrew gowl, li temm kull tama li seta’ kellhom biex jikkwalifikaw biex spiċċaw eliminati b’aggregate ta’ 2-0.

Lanqas kienet biss għaddiet minuta fejn Hibernians resqu viċin li jiftħu l-iskor b’xutt sabiħ ta’ Kristensen, salvat b’diffikulta minn Klimovich. Fit-tmien minuta Shakhtyor ressqu viċin meta Bakaj wasal ftit tard għal kross ta’ Kovalev.

Fil-21 minuta azzjoni mibdija minn Groothusen u żewġ tentattivi ta’ Mbong minn qagħda tajba ġew salvati tajjeb ferm mill-goalkeeper Klimovich. Mill-korner tentattiv ta’ Dunstan Vella jgħaddi għoli.

Fl-34 minuta Aleksandr Selyava rifes lil Bjorn Kristensen, bir-referee juri karta ħamra diretta lil Selyava. Issa ċ-ansijiet ta’ Hibernians kibru u ppruvaw japprofittaw. Jake Grech wasal tard għal pass fit-tul ta’ Agius u fit-38 minuta l-goalkeeper ta’ Hibernians Jovicic salva lil sħabu l-ewwel meta ħareġ f’saqajn Bakaj, u mir-rebound salva wkoll x-xutt ta’ Kovalev.

Fit-tieni taqsima Hibernians ħarġu aktar fuq l-attakk u pprotestaw għal penalty meta ballun deher jaħbat ma’ id difensur ta’ Shakhtyor. Fit-53 minuta xutt ta’ Nanni minn tarf il-kaxxa jgħaddi jħakkek ftit barra.

Hibernians komplew jagħfsu iżda meta deheru huma li fil-65 minuta kontra kull mistenni Nikita Tatarkov, li kien għadu kif daħal bħala sostitut, ta kross shot li deher qarraq bil-goalkeeper Jovicic, il-ballun ħabat mal-lasta u spiċċa f’idejn l-istess Jovicic, b’mod normali, iżda skont ir-referee dan qabez il-linja, mill-ewwel jikkonvalida l-gowl.

Hibernians, bir-raġun marru l-baħar, u biex tkompli tiġi ħażina anki huma spiċċaw b’10 plejers. Fit-73 minuta, Ferdinando Apap ġie muri t-tieni karta safra, f’deċiżjoni ferm ħarxa oħra fil-konfront tal-plejer Għawdxi u nternazzjonali Malti. Hawn il-logħba spiċċat u magħhom spiċċaw it-tamiet tal-Pawlisti biex jingħaqdu ma’ Valletta u Gżira għar-rawnd li jmiss.