Internazzjonali

Il-Ġappun: Jidentifikaw lis-suspettat fin-nirien qattiela ta’ Kyoto

Il-Pulizija Ġappuniża identifikat lir-raġel li qed jinżamm b’suspett li qabbad in-nirien qattiela ta’ nhar il-Ħamis fi studjo għall-animazzjoni fil-belt ta’ Kyoto u li rriżultaw f’talanqas 33 mejtin.

Ir-raġel inkwistjoni, Shinji Aoba, bħalissa qed ikun trattat għall-ħruq li ġarrab huwa stess waqt l-attakk u meta mistenni li jkun suġġett għal interrogazzjoni bir-reqqa bħala ‘is-suspettat ewlieni’ fil-każ.

In-nirien li ħakmu lill-kumpless tal-Kyoto Animation (KyoAni) ħallew ukoll diversi midruba, bil-każ qed ikun trattat bħala wieħed mill-agħar inċidenti ta’ qtil tal-massa fil-Ġappun għal diversi snin.

In-nies li kienu preżenti għall-arrest ta’ Aoba qalu li semgħuh jilmenta ‘li l-kumpanija ( tal-animazzjoni) kienet serqitlu l-ideat’.

Il-pulizija qalu li l-aggressur kien daħal fil-bini tal-kumpanija fejn xarrab sezzjoni partikulari bil-likwidu li jaqbad, qabel tah in-nar. L-aggressur, imbagħad, instama’ ‘jawgura l-mewt’ lin-nies fuq ġewwa.

Fis-sigħat ta’ wara l-attakk, għexieren ta’ nies inġabru barra l-bini tal-istudjo fejn qiegħdu l-fjuri u offrew it-talb għall-vittmi tan-nirien.

Il-KyoAni tipproduċi l-films u n-novelli grafiċi filwaqt li għandha reputazzjoni tajba mad-dilettanti tal-animazzjoni minħabba l-kwalità tal-produzzjonijiet tagħha.

Shinji Aoba, allegatament, akkuża lill-istudjo dwar ‘serq sfaċċat ta’ novella miktuba minnu’ u, għalissa, għadu ma laħaqx kien interrogat b’mod formali permess li għadu rikoverat l-isptar.

Il-mezzi tax-xandir Ġappuniżi qalu wkoll li Aoba għandu rekord kriminali u li hu, qabel, kien skonta perjodu ta’ ħabs talli seraq il-flus minn ħanut.