Internazzjonali

Il-Greċja: Ateni mheżża minn terremot qawwi

Terremot qawwi li l-epiċentru tiegħu kien irreġistrat xi 20 kilometru ‘il bogħod minn Ateni heżżeż lil diversi bnadi tal-kapitali, fost ir-reazzjonijiet ta’ paniku.

Dan meta zoni sħaħ tal-belt spiċċaw mingħajr dawl jew servizzi tat-telekomunikazzjoni għal xi ħinijiet.

It-theżżiża rreġistrat 5.1 fuq l-Iskala Richter, bir-residenti ta’ Ateni u l-madwar joħorġu jiġru fit-toroq immedjatament wara li nħass it-terremot.

Dan fost l-evakwazzjonijiet mill-bini għoljin li wħud minnhom bdew jirtogħdu waqt l-eqqel tat-theżżiża.

Ma daħlu l-ebda rapporti immedjati dwar midruba jew ħsarat serji, iżda t-terremot kien segwit minn theżżiż ta-art oħrajn fuq livell sekondarju.

L-istampa lokali qalet li t-terremot ‘il kbir’ inħass l-aktar fiċ-ċentru ta’ Ateni, fost rapporti li s-servizzi għall-emerġenza fil-kapitali kellhom jintervenju biex isalvaw diversi nies li nqabdu fil-lifts tal-bini ladarba nqatgħet il-provvista tad-dawl.

Dan it-terremot kien l-ewwel wieħed li laqat il-belt kapitali tal-Greċja mill-1999.