Sport

Il-kontinġent Malti jħalli pajjiżna biex jieħu sehem fil-European Youth Olympic Festival

(Ritratt: Kumitat Olimpiku Malti)

Ħalla Malta l-kontinġent tal-Kumitat Olimpiku Malti li fil-ġranet li ġejjin ser jieħu sehem fil-ħmistax-il edizzjoni tal-European Youth Olympic Festival, li ser jsir f’Baku fl-Ażerbajġan. F’dan il-Loghob, b’kollox ser jieħdu sehem madwar 3600 atleta.

L-EYOF  li ssir taħt il-patroċinju tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, huwa mmirat lejn atleti żgħażagħ ta’ bejn l-14 u t-18-il sena. Il-kontinġent Malti huwa magħmul minn erba’ Atleti.

Mill-atletika, Rachela Pace se tieħu sehem fil-Long Jump u Kurt Zahra se jieħu sehem fil-200 metru. Fl-għawm, iż-żagħżugħa Sasha Gatt se tikkompeti fil-50 metru, l-100 metru u l-200 metru freestyle filwaqt li l-ġinnasta Ella Borg se tieħu sehem fil-Ġinnastika Artistika. L-atleti Maltin se jidħlu fl-azzjoni mit-Tnejn 22 ta’ Lulju.

L-għawwiema Sasha Gatt, li mhux biss kisret tlettax-il rekord nazzjonali tal-kategorija iżda kienet ukoll parti mit-tim tar-relay 4x200m freestyle li rebaħ il-midalja tal-bronż fil-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa f’Montenegro. Hi se ġġorr il-bandiera Maltija fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ fl-Istadium ta’ Baku.

L-atleti Maltin qed ikunu akkumpanjati mill-kowċis Nataliya Berehova tal-Ġinnastika,Rachid Chouhal tal-Atletika) u Catalin Stan tal-Għawm. Ix-Chef de Mission tal-kontingent Malti hija Charlene Attard.