Sport Waterpolo

Il-Maltija Elena Borg tilgħab mat-tim nazzjonali Taljan fil-Logħob tal-Università

Għalkemm sfortunatament Malta ma ħaditx sehem fil-Logħob tal-Università li saru f’Napli u li spiċċaw ftit jiem ilu, Malta xorta kellha preżenza f’din l-edizzjoni. Minbarra li r-referee tal-waterpolo Mario Dalli kkontrolla l-finali tal-irġiel bejn l-Italja u l-Istati Uniti, fit-tournament tan-nisa lagħbet Elena Borg mat-tim nazzjonali Taljan.

“Ninsab kburija bija nnifsi li wasalt fejn ninsab wara tant ħidma u sagrifiċċji li għamilt, kif ukoll kuntenta li nilgħab ma’ tim nazzjonali prestiġjuż. L-emozzjonijiet tiegħi meta fiżikament qbiżt fl-ilma u lagħbt għat-tim Taljan għall-ewwel darba kienu biża’, ansjetà u eċċitament; tliet emozzjonijiet li jgħidulek li qegħda fit-triq it-tajba,” qalet Borg lil dan is-sit f’kuntatt li għamel magħha.

Borg hi Maltija  iżda għandha omma Taljana u għalhekk tikkwalifika biex tilgħab mal-Italja. Fl-età ta’ 17-il sena hi ħalliet pajjiżna lejn Verona biex għamlet l-ewwel prova u kif spiċċat l-A-Levels iddeċidiet li tmur l-Italja b’mod permanenti biex tipprova tibni karriera.

Il-mixja taż-żagħżugħa ta’ 19-il sena f’dan l-isport ma kinitx faċli hekk kif fl-età ta’ 11-il sena bdiet ma’ Exiles u għall-ewwel snin kienet titħarreġ u tilgħab mat-tim tas-subien minħabba li kienu biss żewġt ibniet. L-affarijiet inbidlu u rnexxielhom jgħaqqdu tim tan-nisa wara ħidma kbira mill-kowċ Gordon Zammit.

Waqt l-Universiade, l-Italja lagħbet seba’ darbiet u waslet sal-finali wara r-rebħ tal-logħbiet kollha, bix-xellugija Borg issib ix-xibka fis-semifinali kontra l-Kanada. Huma tilfu 8-7 fil-finali kontra l-Ungerija.

Hi tistqarr li l-livell kien għoli iżda l-akbar differenza ma kinitx fiżikament u teknikament imma l-aspett mentali kif il-plejers jaqraw il-logħba. “Kien livell li mhux imdorri fih imma tgħallimt ħafna u nistenna b’ħerqa aktar opportunitajiet bħal dawn.”

Minkejja li hi tgħix l-Italja, Elena Borg ma nsietx lil Malta u saħqet li se tkun qed tilgħab kemm tista’ logħob mat-tim tagħha Exiles u se tibqa’ tagħmel dan sakemm tista’. Bħalissa t-tim nazzjonali Malti tan-nisa jinsab wieqaf u l-futur ta’ Elena Borg x’inhu? Li hu żgur, li hi se tibqa’ tħares lejn possibbiltà li tilgħab mat-tim nazzjonali Taljan. “Hi ħolma inkredibbli li niġi kkunsidrata, nipprattika u nilgħab ma’ wieħed mill-aqwa pajjiżi fid-dinja,” kompliet iż-żagħżugħa Maltija.

B’hekk wara dawn il-logħbiet fis-sajf ma’ Exiles, Elena Borg se tkun qed tirritorna fl-Italja u tilgħab fil-kampjonat A1 ma’ CSS Verona, klabb li lagħbet miegħu mill-2017 u fl-istaġun li għadda fejn skorjat 13-il gowl fil-kampjonat. Żgur li d-determinazzjoni tagħha se tixprunaha biex tibqa’ toħlom u taħdem biex il-ħolma tagħha ma tibqax ħolma.