Internazzjonali

Ir-reġjun tal-Golf: Bastiment tal-gwerra Amerikan jeqred drone tal-Iran fuq il-Baħar ta’ Hormuz

e

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li l-qawwiet tal-baħar ta’ pajjiżu qerdu drone tal-Iran wara li dan wasal qrib ħafna ta’ bastiment tal-gwerra ‘u fejn fl-ebda ħin ma deher li kien se jibdel id-direzzjoni tiegħu’.

Trump sostna li l-bastiment inkwistjoni – il-USS Boxer –irreaġġixxa u waqqa’ d-drone li spiċċa fil-Baħar ta’ Hormuz; ir-rotta strateġika bejn il-Golf Persjan u l-Golf tal-Oman minfejn jgħaddu, kuljum, ammont sinifikanti ta’ tankers taż-żejt. L-azzjoni qed jingħad li seħħet meta d-drone kien wasal ‘sa madwar 900 metru biss ‘il bogħod mill-bastiment’.

Sadanittant, l-Iran qal li ma kellu l-ebda informazzjoni dwar ‘xi drone mitluf’. Dan meta l-Iranjani, ix-xahar li għadda, kienu waqqgħu drone tal-militar Amerikan fiz-zona ta’ Hormuz. Inċident li l-Istati Uniti kienet ikkundannat bħala ‘attakk mhux provokat’

L-Istati Uniti akkużat lill-Iran dwar l-attakki li ilhom għaddejjin minn Mejju fuq it-tankers taż-żejt f’dik ir-rotta tal-baħar delikata — bir-reġim f’Tehran qed jiċħad l-akkużi.

Dan meta l-aħħar inċidenti komplew iżidu l-inkwiet dwar il-possibbiltà ta’ konflitt militari fir-reġjun tal-Golf.

Il-USS Boxer hu bastiment tat-tip amphibious ( li jista’ jintuża anki għal waqt offensivi tal-art), b’Donald Trump jispjega li dan kellu jieħu azzjoni difensiva kontra d-drone li kien qed jhedded is-sigurtà tal-ekwipaġġ.

Il-President tenna li d-drone kien inqered ‘immedjatament’ u li ‘din kienet l-aħħar minn diversi azzjonijiet ostili mill-Iran kontra l-vapuri fl-ibħra internazzjonali’. Trump kompla li f’ċirustanzi bħal dawn, l-Istati Uniti ‘tirriserva d-dritt li tiddefendi l-faċilitajiet u l-membri tas-servizzi tagħha’.

Sorsi qrib id-Dipartiment tad-Difiża Amerikan indikaw li d-drone tal-Iranjani twaqqa b’tagħmir ‘ta’ jamming’ li jipparalizza s-sistemi elettroniċi ta’ dawn l-inġenji.

Mill-banda l-oħra, uffiċjali f’Tehran warrbu għall-istqarrija tal-Amerikani filwaqt li suġġerew li ‘il-qawwiet tal-Istati Uniti setgħu waqqgħu wieħed mid-drones tagħhom bi żball’. Dan wara li l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif, kien qal, fi New York, li ‘pajjiżu mgħandux xi informazzjoni dwar xi drone mitluf’.

Fi żvilupp ieħor, is-sit tal-aħbarijiet tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran qal li nħataf bastiment li, allegatament, kien qed jintuża għat-traffikar tal-fuel. L-inċident seħħ waqt li l-qawwiet tal-baħar Iranjani kienu għaddejjin bir-ronda tagħhom ‘bil-għan li jikkonfrontaw inċidenti ta’ traffikar (tal-fuel) fuq bażi organizzata’.

Ingħad li t-tanker, bl-isem ‘Riah’ u li hu reġistrat il-Panama, kien qed jitraffika mal-miljun litru ta’ fuel meta nħataf ‘il hinn mill-Gżira ta’ Larak. L-Istati Uniti, min-naħa tagħha, sejħet biex l-Iran jirrilaxxa dan it-tanker b’effett immedjat.