Il-Qorti Suprema tal-Olanda kkonfermat il-verdett li l-Olanda għandha ġġorr ħtija parzjali għal 350 mewta fil-massakru tal-1995 fi Srebrenica, li kien seħħ waqt il-Gwerra fil-Balkani.
Il-qorti f’The Hague qalet li l-Olanda kellha ‘responsabbiltà ta’ għaxra fil-mija’ f’dan il-kapitlu iswed fl-istorja moderna tal-Ewropa. Intant, l-element tar-responsabbiltà jibbaża fuq il-probabbiltà li s-suldati Olandiżi, li kienu qed jaqdu rwol għal zamma tal-paċi fil-Bosnja, setgħu evitaw il-massakru.
Fl-1995, it-truppi Serbi tal-Bosnja, taħt it-tmexxija tal-Ġeneral Ratko Mladic, kienu qatlu total ta’ 8,000 irġiel u subien Musulmani fil-belt ta’ Srebrenica.
Il-qawwiet Olandiżi fl-inħawi, dak iż-żmien, kienu qed iħarsu ‘zona ta’ sigurtà’ stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti iżda fl-eqqel tal-kriżi huma spiċċaw ‘ineffettivi’ quddiem l-ammonti superjuri tat-truppi Serbi-Bosnijaċi.
Hi ħaġa rari li pajjiż jinżamm responsabbli dwar il-fallimenti fl-impenji tan-NU għaż-żamma tal-paċi.
Fl-2002, rapport dwar ir-rwol tal-Olanda fil-massakru ta’ Srebrenica kien wassal għar-riżenja tal-Gvern Olandiż kollu.
Intant, il-qorti, issa, iddeċidiet li kieku l-qawwiet Olandiżi, fis-sajf tal-1995, taw iċ-ċans lill-irġiel Musulmani Bosnijaċi biex jibqgħu fil-kamp fejn kienu qed jinżammu (fi Srebrenica), kien ikun hemm ‘probabbiltà ta’ għaxra fil-mija’ li l-vittmi ma jispiċċawx f’idejn it-truppi ta’ Maldic.
B’hekk, ġie deċiż li l-Olanda għandha tinżamm responsabbli biss għal ‘dan il-proporzjon ta’ danni li sofrew il-qraba tal-vittmi ta’ Srebrenica’.
Il-verdett finali, b’hekk, jikkonkludi snin ta’ battalji legali bejn Olanda u l-grupp tal-qraba tal-vittmi tal-massakru magħrufa bħala ‘l-Ommijiet ta’ Srebrenica’.
Il-każ kien tressaq quddiem l-ogħla qorti tal-Olanda għaliex l-Istat ried li jitneħħa kull dubju dwar ir-responsabbiltà tiegħu rigward ‘Srebrenica’ — bil-qraba tal-vittmi jinsistu, għall-kuntrarju, biex l-Olanda tinsab kontabbli ‘għat-total tat-8,000 mewta waqt il-massakru storiku’.
Qorti tal-Appell, qabel, kienet stabbiliet ir-responsabbiltà tal-Olanda madwar it-tletin fil-mija, iżda l-verdett tal-Qorti Suprema, issa, naqqset drastikament l-element tar-responsabbiltà fir-rigward tat-truppi Olandiżi.
Matul il-Gwerra tal-Bosnja (1992-95), l-Armata Serba kienet qed tinsisti b’kampanja ta’ tindif etniku li kienet tinvolvi inċidenzi numerużi ta’ qtil tal-massa,
Eluf ta’ Musulmani kienu fittxew refuġju fi Srebrenica, li kienet taħt il-protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li użat il-kontinġent tat-truppi Olandiżi fl-interessi tas-sigurtà fl-inħawi.
Madankollu, dawn il-peacekeepers – li kellhom l-armi inferjuri għal tat-truppi Serbi-Bosnijaċi – kienu ċedew waqt offensiva vjolenti u spiċċaw ikeċċu mijiet ta’ irġiel Musulmani minn dik il-bażi tan-NU.
Il-qorti f’The Hague, intant, stqarret li ‘it-truppi Olandiżi aġixxew b’mod illegali fl-evakwazzjoni ta’ 350 irġiel (Musulmani) u fejn tellfulhom l-opportunità biex ma jispiċċawx f’idejn is-Serbi Bosnijaċi’.
Il-grupp ‘Ommijiet ta’ Srebrenica’ ukoll, oriġinarjament, kien insista biex in-Nazzjonijiet Uniti jirrikonoxxi n-nuqqas tat-truppi Olandiżi u biex (anki) jipprovdi kumpens xieraq.
Madankollu kien deċiż li din l-organizzazzjoni internazzjonali ma tistax tkun suġġetta għal forom ta’ prosekuzzjoni.
//= $special ?>