Futbol Sport

L-Alġerija rebbieħa tat-Tazza Afrikana għat-tieni darba

(Ritratt: EPA)

L-Alġerija huma ċ-champions tal-Afrika għat-tieni darba fl-istorja tagħhom wara rebħa ta’ 1-0 kontra s-Senegal fil-finali li ntlagħbet f’Kajr. L-ewwel suċċess kien miksub fl-1990. Għas-Senegal din kienet it-tieni finali tagħhom f’din il-kompetizzjoni wara dik tal-2002.

Fit-tieni taqsima kellhom penalty li ngħata iżda tħassar wara konsultazzjoni mal-VAR. Huma ddominaw għal perjodi twal fil-logħba iżda naqsu li jsarrfu l-pussess f’gowls. Mat-tisfira finali l-plejers tas-Senegal ntefgħu fl-art bid-diżappunt li ma rnexxielhomx jagħtu l-ewwel unur lil pajjiżhom.

Il-gowl deċiżiv wasal wara 21 minuta b’xutt ta’ Baghdad Bounedjah li ħabat ma’ Salif Sane u qabeż fuq il-gowlkiper Alfred Gomis. Mbaye Niang kellu żewġ okkażjonijiet li seta’ skorja. Qabel tmiem l-ewwel taqsima xxuttja b’saħħtu iżda t-tentattiv għadda ftit għoli u fil-bidu tat-tieni taqsima dar mal-gowlkiper Rais M’bolhi iżda xxuttja barra minn angolu ristrett.

Il-mument deċiżiv wasal mas-siegħa logħob. Il-kross ta’ Ismaila Sarr ħabat ma’ id Adlene Guedioura, bir-referee Neant Alioum jordna penalty. Iżda hekk kif il-plejers tas-Senegal bdew jiċċelebraw id-deċiżjoni, Alioum indika li kien hemm konsultazzjoni mal-VAR.

Hu mar jara l-filmati li urew li id Guedioura kienet fil-ġenb u għalhekk ir-referee dawwar id-deċiżjoni. Minkejja li d-deċiżjoni kienet korretta, ir-riżultat kien kiefer mas-Senegal hekk kif l-Alġerija kellha biss xutt fil-lasta.

Wara l-logħba l-kowċ tal-Alġerija Djamel Belmadi qal li mingħajr il-plejers mhu xejn għaliex hum l-atturi prinċipali. Hu żied li l-istaff għamel il-parti tiegħu iżda kienu l-plejers li applikaw l-istruzzjonijiet tajjeb ħafna.