Ambjent Lokali Transport

L-emmissjonijiet mit-traffiku żdiedu bi 12%

Fl-2017 kien hawn total ta' 255,000 liċenzja tas-sewqan

Rapport maħruġ mill-NSO bit-titlu Transport Statistics 2018 jikkonferma li fuq perijodu ta’ seba’ snin l-emmissjonijiet ta’ dħaħen mill-karozzi żdiedu bi 12 fil-mija. Dan meta wieħed jikkompara s-sena 2017 mas-sena 2010 – bl-2017 tkun l-aħħar sena sħiħa li tagħha għandna l-aktar ċifri riċenti.

Ir-rapport juri li l-emmissjonijiet mill-karozzi fl-2017 laħħqu total ta’ 588ktons, fejn huwa ċar li dan it-tniġġis fl-arja qed jiżdied sena wara l-oħra.

Matul l-istess sena, inħarqu 105 miljun litru ta’ petrol u 133 miljun litru ta’ diesel mill-vetturi li nsuqu fit-toroq ta’ pajjiżna.

L-istess ċifri tal-NSO juru li fl-2017 kien hawn total ta’ 255,000 liċenzja tas-sewqan.

Fejn jidħlu imbgħad inċidenti tat-traffiku, naraw li fl-2017 it-toroq ta’ pajjiżna ħallew 19-il vittma – 3 minnhom f’Għawdex. Sitta minn dawk li mietu kienu sewwieqa, filwaqt li 7 kienu persuni mexjin fit-triq illi ittajru jew intlaqtu. Ir-rapport għall-2017 juri li 3 minn dawn il-fatalitajiet kienu sewwieqa ta’ mutur.

L-akbar ammont ta’ inċidenti ta’ traffiku ġraw f’Birkirkara.

Bħala serq ta’ karozzi, dawn ammontaw għal 334 f’sena waħda, li minnhom 190 ġew irkuprati.

F’pajjiżna hawn kważi 292,000 karozza privata, 432 karozza tal-linja, u kważi 25,000 mutur.