L-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop permezz ta’ stqarrija qed tilmenta minn deċiżjoni tal-Kurja li jinbidel kwadru tas-seklu 18 fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop ma’ kwadru ieħor ġdid.
Intqal li d-deċiżjoni tal-Kurja biex tibdel il-kwadru tad-Duluri ma’ kwadru tal-mewt ta’ San Ġużepp ittieħdet wara talba li saret mill-Fratellanza ta’ San Ġużepp.
Insistiet li din mhux kwistjoni ta’ pika, iżda waħda ta’ apprezzament artistiku u storiku. Il-banda qalet li mhux ġust tneħħi wirt artistiku li ilu hemm is-snin, biex jinbidel ma’ xi opri oħra ġdida.
Il-banda spjegat li l-kwadru tad-Duluri sar bejn is-snin 1740 u 1750 minn Francesco Zahra, u huwa marbut mad-devozzjoni lejn id-Duluri. Il-kwadru ntqal li se jkun qed jittieħed f’kappella, hawn sostniet li b’konsegwenza ta’ dan il-knisja se titlef l-iktar pittur ċelebri minn fost il-kwadri tagħha.
L-Għaqda Mużikali qalet li din id-deċiżjoni hija ta’ ħsara għall-ħidma li saret matul l-aħħar snin biex ir-relazzjoni bejn iż-żewġ baned f’Ħal Kirkop tkun fuq nota tajba.
Intant is-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp – Ħal Kirkop A.D. 1886 fuq Facebook qalet li l-artal ta’ San Ġużepp, ilu b’digriet mill-Papa Iljun XIII sa mis-sena 1886; li nkesa bl-irħam inkluża l-arma tal-fratellanza sa mill-1923; li tħallew flus biex isir kwadru ta’ San Ġużepp fuq dan l-artal fl-1938; u li l-uniku armar li qatt kellu kien dejjem imżejjen bl-arma tal-fratellanza ta’ San Ġużepp.
Is-Soċjetà qalet li qatt waqqfet jew qatt ikkundannat it-tneħħija tal-pitturi tal-Kruċifissjoni wara l-gwerra, u wkoll ta’ Santa Marija bl-artal b’kollox fis-snin sittin. Dan biex seta’ jiġi aġevolat biss l-interess tagħhom – li l-istatwa titulari jkollha niċċa enormi. Dawn il-pitturi flimkien ma’ oħrajn, fosthom xogħlijiet ta’ Lazzaro Pisani, li ma kienux jogħġbu lil xi membri tal-istess għaqda, ukoll ġew imneħħija mill-Knisja u ppreservati fl-istess Knisja filjali tal-Lunzjata.
Is-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp qalet li fil-Knisja filjali hemm biżżejjed spazju biex tiġi kkonservata l-pittura tad-Duluri.
//= $special ?>