Lokali Qorti

Milqugħa t-talba ta’ Adrian Delia biex jixhdu t-tliet Ministri fuq ir-rapport Egrant

Il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fuq rikors li kien ippreżenta biex tliet Ministri tal-Gvern, Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi – jitellgħu jixhdu taħt ġurament dwar l-informazzjoni li għandhom fuq ir-rapport Egrant.

Wara li wiżnet l-argumenti kollha tal-partijiet, il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, iddikjarat li “għall-aqwa amminisrazzjoni tal-ġustizzja kienet se tilqa’ t-talba ta’ Adrian Delia”.

Adrian Delia qed itenni li filwaqt li l-Avukat Ġenerali ma jridx jagħti aċċess għal dan ir-rapport lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-poplu, dawn il-Ministri li suppost m’huma involuti bl-ebda mod fir-rapport dwar il-kumpanija Egrant f’kawża separata, ikkwotaw siltiet mir-rapport tal-Inkjesta li s’issa għadhom qed jinżammu mistura.

Dan kollu jfisser diskriminazzjoni totali kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-poplu Malti u Għawdxi. Din it-talba kienet saret hekk kif kienu se jibdew il-proċeduri tal-appell li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, wara li t-talba oriġinali tiegħu biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport li jikkontjeni 1500 paġna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li filwaqt li l-Avukat Ġenerali bagħat kopja lill-Prim Ministru, kif ukoll lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, b’email, kopja lill-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia u lill-Avukat Pawlu Lia, issa ħareġ li tliet Ministri tal-Gvern għadhom informazzjoni wkoll fuq ir-rapport.

L-Avukat Vince Galea għan-nom ta’ Adrian Delia kien qal lill-Qorti li dak li kkowotaw il-Ministri ħareġ wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni intavola l-appell. Il-Qorti ma qablitx ma dak li qal l-Avukat Ġenerali li fuq li xehdu t-tliet Ministri m’għandu x’jaqsam xejn ma dan il-każ, u wieħed irid jara eżatt x’qalu u ma qalux f’każ li kellu x’jaqsam ma’ kuntratt tal-isptarijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiġġieled dan il-każ fil-Qorti biex jingħata aċċess għar-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant bħalma għandhom il-Prim Ministru u esponenti oħrajn tal-Partit Laburista u għalhekk id-difiża tal-Kap tal-Oppożizzjoni, milqugħa mill-Qorti, issa għandu jkun magħruf dwar x’jafu u ma jafux il-Ministri fuq rapport li mhux suppost qiegħed għandhom.

Minkejja li l-Avukat Ġenerali qed jopponi kull talba li qed isir minn naħa ta’ Adrian Delia, u dan biex il-poplu wkoll ikun jaf x’fih ir-rapport intier Egrant, għax f’pajjiż demokratiku, hekk isiru l-affarijiet, l-Avukat Ġenerali kompla jinsisti, u li kien għalih li dan il-proċess m’għandux iseħħ. L-Avukati Vincent Galea u Andre Portelli qegħdin jidhru għal Adrian Delia. Il-każ ghandu jinstema’ nhar it-Tnejn 29 ta’ Lulju.