Sport Waterpolo

Neptunes joħorġu rebbieħa fuq San Ġiljan f’logħba drammatika … it-tnejn jerġgħu jilagħbu l-Ħadd

(Ritratt: Trevor Sollars)


SAN ĠILJAN TUM INVEST………….. 15 NEPTUNES LEO VEGAS………… 16

(4-4), (6-3), (3-5), (3-4)

Gowls, tkeċċijiet, kontroversji, protesti u tensjoni. Din kienet ir-riċetta tad-dwell missielet bejn San Ġiljan TUM Invest u Neptunes Leo Vegas, b’tal-aħħar joħorġu rebbieħa biex taw it-tieni telfa konsekuttiva lil San Ġiljan fi tlett ijiem.

Il-logħba kellha tmiem drammatiku biż-żewġ settijiet ta’ plejers jitilfu rashom u l-partitarji jgħidu tagħhom, hekk kif iż-żewġ referees kienu taħt pressjoni kontinwa u żgur li ma kellhomx biċċa xogħol faċli. Inċidentalment, dawn iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu l-Ħadd fin-knock-out u ma jkunx eskluż li xi plejer ikun sospiż wara dak li nqala’.

Bidu feroċi b’Neptunes jiksbu vantaġġ doppju minn Petar Muslim u Stevie Camilleri iżda San Ġiljan wieġbu permezz ta’ Darren Zammit u Dino Zammit, għal erba’ gowls fl-ewwel żewġ minuti tal-logħba.

Neptunes kienu pass qabel l-avversarji u baqgħu fil-vantaġġ qabel sofrew rimonta Ġiljaniża. Petar Muslim għamilhom 5-3 u Jordan Camilleri għamilhom 6-4 qabel Guillermo Molina u Dino Zammit ġabu d-draw. Petar Muslim skorja t-tielet gowl personali qabel San Ġiljan wieġbu b’gowls ta’ Niksa Dobud, Matthew Zammit u Dino Zammit biex marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba u daħlu jistrieħu 9-7.

L-affarijiet dehru ġejjin favur il-Ġiljaniżi hekk kif Dobud u Molina kabbru d-distakk filwaqt li l-Ispanjol naturalizzat Taljan għamilhom 12-8 wara li Jordan Camilleri naqqas id-distakk parzjalment. Iżda l-kwalità ta’ Neptunes wasslet biex naqqsu d-distakk għal gowl bi tliet gowls mill-aħwa Camilleri.

San Ġiljan sofrew daqqa ta’ ħarta minuta u 17-il sekonda mit-tmiem tat-tielet sessjoni meta Niksa Dobud ġie fouled-out biex b’hekk kellhom jilagħbu sessjoni u ftit bi plejer barrani biss. Darko Brguljan ġab id-draw seba’ sekondi mit-tmiem tas-sessjoni.

Fil-bidu tal-aħħar sessjoni tkeċċa Paul Fava għal San Ġiljan b’Darko Brguljan ipoġġi lil Neptunes minn fuq b’xutt b’saħħtu. Molina wieġeb għall-Ġiljaniżi iżda Nikolai Zammit reġa’ poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ. San Ġiljan fallew okkażjoni tajba li jġibu d-draw meta fallew man-up doppju, b’Nikolai Zammit jagħmilhom 15-13 wara li ġie ġġudikat li x-xutt qabeż il-linja, fost il-protesti ta’ San Ġiljan.

Molina naqqas id-distakk iżda Stevie Camilleri reġa’ ħalla l-vantaġġ ta’ żewġ gowls sakemm mal-istess gowl inqala’ argument bejn Stevie Camilleri u Ben Plumpton, b’Dino Zammit jidħol fl-argument ukoll fost anki xi daqqiet li ngħataw f’dak il-ħin. Ir-referees iddeċidew li jkeċċu għal brutalità lil Camilleri u Plumpton, b’Zammit jitkeċċa b’sostituzzjoni.

Ftit sekondi wara, San Ġiljan ingħataw penalty u ġie fouled-out Jordan Camilleri. Molina skorja s-sitt gowl personali u ħalla l-logħba miftuħa sal-aħħar. It-tnejn b’raġel anqas fl-ilma, San Ġiljan baqgħu sal-aħħar jippruvaw isalvaw il-logħba u fl-aħħar xutt kien il-gowlkiper ta’ Neptunes Alan Borg Cole li ċaħħad lil Matthew Zammit.

San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea, N. Dobud (4), G. Molina (6), M. Zammit (1), B. Plumpton, K. Dowling, T. Said, Da. Zammit (1), P. Fava, Di. Zammit (3), T. Micallef, J. Bonavia, J. Portelli

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (3), D. Brguljan (2), S. Camilleri (5), J. Camilleri (4), J. Abela, N. Zammit (2), J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil, J. Farrugia

Referees: Mario Dalli, Daniele Bianco