Futbol Lokali Sport

Preżentata ittra uffiċjali kontra l-operatur tat-titjiriet

Kien hemm żviluppi ġodda fil-każ tat-tfal li f’dawn il-jiem tħassrulhom it-titjiriet li kienu se jaqbdu b’rabta ma’ diversi tournaments tal-futbol. Bil-każ issa jispiċċa l-Qorti.

Permezz ta’ ittra uffiċjali ppreżentata minn Frankie Ciantar li qed jirrappreżenta lil Pieta Hotspurs, Noel Debattista għan-nom ta’ Hamrun Spartans Nursery u Jonathan Barbara għan-nom ta’ Birkirkara F.C Youth Academy, kif ukoll f’isem tfal minuri membri fil-clubs rispettivi li kienu se jsiefru u persuni adulti li kienu se jakkumpanjawhom, dawn kollha qed jinterpellaw lil Joffrey Mallia u l-persuni involuti biex jimxu mal-obligi tal-kuntratt li daħlu għalih.

It-tali kuntratt li kien sar kien rigward titjira lejn id-Danimarka għal skop ta’ tournament tal-football. It-tliet firmatarji qed jitolbu li jingħataw lura l-ammont imħallas minnhom għal dan l-istess servizz li qatt ma ġie mogħti lilhom, kif ukoll isir ħlas ta’ danni li setgħu saru.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camileri u Amadeus Cachia qed jidhru f’isem it-tliet nurseries li prezentaw din l-ittra.

Wara l-każ li seħħ fil-bidu tal-ġimgħa, dalgħodu grupp ieħor ta’ madwar 280 Malti, fosthom tfal li huma players tal-football, għal darb’oħra tħallew l-art.

Dan hekk kif titjira privata li kellha twassalhom id-Danimark ġiet ikkanċellata. It-tijira kellha titlaq fil-10 am iżda s’issa għadhom mingħajr risposta dwar meta se jitilqu. Jidher li huma ġew infurmati dalgħodu stess għall-ħabta tal-5.30am li t-titjira mhux se ssir. Huma kienu se jmorru d-Danimarka biex jieħdu sehem f’turnament tal-football imsejjaħ id-Dana Cup. Huma kienu se jdumu hemm għal iktar minn ġimgħa.

Wara dak li ġara aktar kmieni din il-ġimgħa, l-organizzaturi baqgħu f’kuntatt mal-persuna li kienet qed tieħu ħsieb din it-titjira – Joffrey Mallia – sabie ikunu assigurati li t-tijira se sseħħ. Jirrizulta li sal-Ħamis stess Mallia baqa’ jassigurahom li kollox se jimxi kif pjanat.

Iżda dalgħodu ngħataw l-aħbar li t-tijira se tiġi kkanċellata minħabba li seħħew xi intoppi – dan b’detriment fuq it-tfal u l-ġenituri tagħhom, kif ukoll in-nurseries li ma kellhom x’jaqsmu xejn ma dan it-taħwid kollu.