Futbol Sport

Bjorn Vassallo elett President ġdid tal-Malta Football Association

Bjorn Vassallo hu l-President il-ġdid tal-Malta Football Association wara li fl-elezzjoni li saret għeleb lill-kontestant Chris Bonett. Vassallo kiseb 83 vot kontra l-54 vot ta’ Bonett f’elezzjoni li kien hemm 139 membru eliġibbli li jivvota. Bjorn Vassallo se jkun is-suċċessur ta’ Norman Darmanin Demajo li għażel li ma jerġax jikkontesta wara disa’ snin fit-tmexxija.

Vassallo li għandu 39 sena, kellu esperjenza twila fil-klabb ta’ San Ġwann u sar Kap Eżekuttiv tal-MFA fl-2010. F’Lulju tal-2014 nħatar Segretarju Ġenerali tal-MFA, kariga li okkupa sa Ottubru tal-2016. Hu kien irriżenja wara li kien offrut mill-President tal-FIFA Gianni Infantino biex isir id-Direttur tal-FIFA responsabbli mill-assoċjazzjonijiet Ewropej.

Il-ħidma tiegħu fil-FIFA kienet kif mistennija impenjattiva, hekk kif minbarra l-ħidma tiegħu, kellu involviment dirett fl-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tas-sena l-oħra fir-Russja u l-kompetizzjonijiet l-oħra tal-FIFA. Hu kien ukoll involut fil-ħidma tal-UEFA bħala venue director f’wieħed mill-istadiums tal-Kampjonat Ewropew tal-2016 u fl-istess irwol għall-partiti tal-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League.

Fost il-ħidma tiegħu fl-MFA, Vassallo kien strumentali biex saru diversi riformi fosthom dik tal-għajnuna finanzjarja fl-infrastruttura tal-klabbs. Hu spikka wkoll biex fl-2014 Malta organizzat il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena b’ħames plejers minn dik l-iskwadra jinsabu bħalissa fit-tim nazzjonali ta’ Ray Farrugia.