Lokali

Edward Scicluna huwa l-ewwel Ministru tal-Finanzi li qed jiġi investigat bħala parti minn inkjesta Maġisterjali

Il-Ministru Edward Scicluna għal darba oħra reġa’ naqas milli jiżgura li l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu jkunu indipendenti u fl-interess nazzjonali. In-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu qed tirriżulta fl-erożjoni tar-reputazzjoni li xi darba Malta kellha bħala ċentru eċċellenti għas-servizzi finanzjarji. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruga mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-finanzi Mario de Marco.

Kif ħareġ minn serje ta’ rapporti tal-Awditur Ġenerali, in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ Edward Scicluna qed tiswa lil dawk li jħallsu t-taxxa miljuni ta’ ewro b’kuntratti pubbliċi bħal dak iffirmat ma’ Electrogas. Huwa għalaq għajnejh ukoll fuq kif ordnijiet diretti saru r-regola aktar milli l-eċċezzjoni u m’għamel xejn biex iwaqqaf iż-żieda bl-addoċċ fl-infiq pubbliku.

Ir-rwol tal-Ministru fil-kuntratt skandaluż mogħti lill-Vitals, għamel lilu, flimkien ma’ żewġ ministri oħra tal-Gvern, is-suġġett ta’ Inkjesta Maġisterjali. Fi kwalunkwe demokrazija oħra, tali żvilupp kien iwassal għal riżenja. Sfortunatament, Edward Scicluna u l-kollegi tiegħu huma biss interessati fil-ħarsien personali u politiċi tagħhom. Ittemm tgħid l-istqarrija.