Internazzjonali

FILMAT: 50 sena mill-ewwel bniedem fuq il-qamar

50 Sena ilu l-ewwel bniedem niżel fuq il-qamar. Din kienet il-mira nazzjonali li l-President Kennedy poġġa fuq il-pajjiż f’Mejju tal-1961, fl-eqqel tal-Gwerra l-Bierda bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.

Diskors li ta bidu għat-tellieqa fl-ispazju bejn iż-żewġ superpotenzi, ftit iktar minn xahar wara li l-kosmonawta Sovjetiku Yuri Gagarin sar l-ewwel bniedem li tela fl-ispazju.

Tellieqa bejn min għandu l-aħjar ideoloġija li twassal għal kisbiet kbar; tellieqa bejn il-komuniżmu u d-demokrazija liberali u suq ħieles. John F Kennedy – li kien assassinat sentejn wara dak id-diskors quddiem il-Kungress Amerikan – qatt ma ra din il-mira ssir realta’.

Iżda l-programm spazjali li nbeda minn Kennedy, tkompla tul is-snin 60 u 50 sena ilu, preċiżament fl-20 ta’ Lulju 1969, l-astronawti abbord il-missjoni Apollo 11, Neil Armstrong u Bużż Aldrin kienu l-ewwel bnedmin li taw l-ewwel passi fuq il-qamar. Magħhom kien hemm ukoll l-astronawta Michael Collins.

L-ewwel kliem ta’ Neil Armstrong jibqgħu mnaqqxin fl-istorja; “hu pass żgħir għal bniedem, iżda qabża kbira għall-umanita’.”

Wara Apollo 11 kien hemm diversi missjonijiet, bl-aħħar missjoni spazjali fuq il-qamar kienet Apollo 17 li niżlet fuq il-qamar fil-11 ta’ Diċembru 1972.

Filwaqt li t-twelid tiegħu kien dovut għal raġunijiet purament politiċi, il-programm spazjali Apollo kien minjiera ta’ għarfien xjentifiku u teknoloġiku u fetaħ it-triq għal iktar riċerka fuq l-ispazju. Witta t-triq għall-iSpace Shuttle, l-ewwel stazzjon spazjali MiR tal-Unjoni Sovjetika u llum, l-istazzjon spazjali Internazzjonali.F’dawn l-aħħar xhur il-missjonijiet lejn il-qamar ingħataw spinta ġdida. Bħala parti mill-għan aħħari li l-bniedem jinżel fuq il-pjaneta Mars, l-Aġenzija Spazjali Amerikana NASA ħabbret il-programm spazjali Artemis, bil-mira tkun li astronawti jerġgħu jirfsu fuq il-qamar sas-sena 2024, 52 sena wara l-aħħar missjoni lejn il-qamar.