Futbol Sport

FILMAT: L-ewwel reazzjonijiet tat-tliet Viċi Presidenti tal-MFA eletti

(Ritratt: Martin Agius)

Bidla waħda fit-tliet Viċi Presidenti tal-MFA hekk kif Adrian Casha ġie elett bħala Viċi President għall-ewwel darba għas-spejjeż ta’ Alex Manfre. Matthew Paris kiseb l-akbar ammonti b’total ta’ 103 voti filwaqt li Ludovico Micallef kien konfermat għal terminu ieħor.

Il-kontestazzjoni kienet missielta hekk kif minbarra Paris, Micallef kiseb 67 vot u Casha kien it-tielet wieħed elett b’60 vot, vot aktar minn Peter Fenech u tnejn aktar minn Cory Greenland. Manfre kiseb 23 vot.

Matthew Paris kien elett Viċi President tal-MFA lejn tmiem l-2016 meta kien rebaħ elezzjoni missielta wara r-riżenja mill-kariga ta’ Chris Bonett. Il-perit Ludovico Micallef ilu Viċi President tal-MFA mill-1998 u laħaq anki Viċi President Anzjan mill-2013. Adrian Casha kellu karriera ta’ referee u anki kien referee tal-FIFA bejn l-2003 u l-2007. Fl-2010 kien inħatar Direttur tar-Referees tal-MFA u kien irriżenja f’Marzu ta’ sitt snin wara.

Peter Fenech kien Viċi President tal-assoċjazzjoni fl-2007. Tliet snin wara hu ma kienx elett u fl-2013 kien ikkontesta lil Norman Darmanin Demajo għal President tal-MFA iżda kien ġab biss 23 vot. Fl-elezzjoni tal-2016 biex jimtela l-post ta’ Chris Bonett, Fenech kien ikkontesta u kiseb 29 vot.

In-nutar Cory Greenland kien ukoll ikkontesta l-elezzjoni għal Viċi President fl-2016 hu kien ġab 33 vot kontra s-37 vot li kien kiseb Paris. Alex Manfre kien ilu Viċi President tal-assoċjazzjoni mill-2010 u ġie elett dejjem minn dakinhar wara li qabel kien ukoll Teżorier tal-MFA.