Il-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali qed titmexxa b’regoli stabbiliti mill-Istatut tal-partit. Aktar minn hekk il-Kummisjoni Elettorali indipendenti li qed tmexxi l-proċess tal-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali tas-27 ta’ Lulju hija wkoll komposta minn membri li qed jirrapreżentaw kemm l-IVA kif ukoll il-LE fuq il-mistoqsija dwar Adrian Delia. Għaldaqstant kull attentat biex ikisser jew inaqqas il-kredibbiltà u l-leġittimità ta’ proċess elettorali serju li qed isir skont ir-regoli u r-rule of law mhu xejn għajr attakk fuq proċess demokratiku u trasparenti.
Il-ħolqien ta’ conspiracy theories u t-tixrid ta’ allegazzjonijiet infondati jservu biss biex jimminaw proċess demokratiku skont l-Istatut tal-partit u biex joħolqu tensjoni żejda li għaliha jrid iġorr ir-responsabbiltà biss min qed joħloqha.
Il-verifika tal-lista ta’ dawk eliġibbli għall-vot fil-Kunsill Ġenerali tal-PN qed isseħħ mill-Kummisjoni Elettorali bl-aktar mod rigoruż, inkluż mir-rappreżentanti tal-fehmiet differenti fuq il-mistoqsija dwar Adrian Delia. Il-membri tal-Kummisjoni skrutinizzaw u daru l-lista sħiħa vot vot u lbieraħ lestew lista finali ta’ votanti. Illum stess dik il-lista kienet għand ir-rappreżentanti tal-LE għall-iskrutinju tagħhom. Sadanittant il-Kummisjoni qed tagħti ċans li min irid iressaq xi oġġezzjoni biex iressaqha sa nhar it-Tlieta li ġej f’nofsinhar.
Wara li diġà ġiet miċħuda l-allegazzjoni falza li mijiet ta’ membri tal-Kunsill Ġenerali ġew mibdula fl-aħħar xahar, illum qed terġa tiċċirkola allegazzjoni oħra daqstant falza, li għaliex saru tibdiliet fil-membri tal-Kunsill Ġenerali fl-aħħar sentejn sar xi ħaġa irregolari. Dan mhux il-każ. Kif mitlub mill-Istatut fl-aħħar sentejn saru elezzjonijiet ġodda tal-Kumitati u l-fergħat tal-partit li ġabu magħhom tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-Kunsill Ġenerali. Tibdiliet oħra ġew b’riżultat tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex kollu f’Ġunju li għadda u t-twaqqif tal-operat tal-hamlets mill-Gvern. Dan ifisser li t-tibdiliet kollha fil-Kunsill Ġenerali saru skont kif mitlub mill-Istatut jew b’elezzjonijiet demokratiċi, li r-rule of law titlob li r-riżultat tagħhom jiġu rispettati.
//= $special ?>

