Futbol Sport

Illum jinħatar is-suċċessur ta’ Norman Darmanin Demajo fit-tmun tal-MFA

Illum ikun magħruf is-suċċessur ta’ Norman Darmanin Demajo bħala President tal-Malta Football Association. Il-kontestazzjoni se tkun bejn Chris Bonett u Bjorn Vassallo, żewġ persuni li bejn l-2010 u l-2016 kienu fl-MFA. Bonett kien daħal l-ewwel fid-Dipartiment Legali tal-assoċjazzjoni qabel fl-2013 kien elett bħala Viċi President. Bjorn Vassallo sar Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni fl-2010 u fl-2014 inħatar Segretarju Ġenerali. It-tnejn ħabbru l-kandidatura tagħhom b’mod uffiċjali fil-11 ta’ Ġunju. Bjorn Vassallo ħabbar li se jikkontesta filgħodu fuq is-sit lovinmalta.com, b’Chris Bonett jagħmel dan waranofsinhar fil-paġna uffiċjali fuq facebook.

Chris Bonett

It-tema ta’ Chris Bonett hi Clubs Fuq Nett b’ħames prinċipji jsawru l-programm ta’ ħidma. Dawn huma l-poter lill-klabbs, il-kummerċjalizzazzjoni, il-logħba fiċ-ċentru tal-ħidma tal-MFA, l-iżvilupp tal-klabbs u l-plejers biex isiru professjonali u l-komunikazzjoni kostanti bejn it-tmexxija tal-MFA u l-klabbs. Fost l-akbar żewġ ħsibijiet li għandu jispikkaw il-ħolqien ta’ kumpanija ġdida li tieħu ħsieb l-aspett kummerċjali u r-ristrutturar qawwi fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Fost l-ideat tiegħu fil-programm

Chris Bonett għandu ħsieb li tinħoloq kumpanija ġdida u titmexxa minn persuna apposta biex b’hekk is-Segretarju Ġenerali tal-MFA jkun jista’ jikkonċentra fuq l-aspett marbut mal-futbol. Din il-kumpanija tiġbor fiha l-aspetti kummerċjali. L-istruttura ta’ din il-kumpanija tkun b’ishma ta’ 45% tal-MFA u 55% tal-klabbs.

Parti mill-proġett kummerċjali jinkludi x-xogħol estensiv fl-Istadium Nazzjonali. Dan il-proġett hu fuq sitt snin u jinvolvi spiża ta’ €30 miljun. Fost ix-xogħol jinkludi uffiċini l-ġodda amministrattivi tal-MFA, tal-member associations, iċ-Ċentru Tekniku l-ġdid, il-kwartieri tat-tim nazzjonali eċċ. Il-kapaċità tal-istadium tkun dik ta’ 18,000 spettatur.

Fost il-miri immedjati li għandu għal kompetizzjonijiet aktar attraenti, Bonett għandu l-ħsieb li jinħolqu l-Premier League Association u l-Football League Association biex il-klabbs ikollhom il-poter li jieħdu ċertu deċiżjonijiet fuq il-kampjonati tagħhom. Fl-ewwel tliet snin, Bonett ħabbar li jrid jinbena l-ewwel stadium fin-nofsinhar ta’ Malta u tingħata bidu għall-kompetizzjoni ġdida għat-timijiet tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni kif ukoll għall-klabbs Għawdxin.

Ħsieb partikolari ta’ Chris Bonett hu li jiġi identifikat stil ta’ futbol li jgħodd għall-pajjiżna u jitnieda sillabu nazzjonali. Aktar minn hekk bl-investiment fl-akkademja tal-MFA, sal-2024 ikun hemm ħames plejers li jilagħbu barra l-pajjiż fuq bażi professjonali u jemmen li bil-ħidma kollha li tkun saret, Malta tista’ tirbaħ il-grupp tagħha f’Diviżjoni D tal-UEFA Nations League fl-2026. Bonett irid joħloq lifestyle professjonali għal tfal minn 10 snin u identifika sitt reġjuni li minnhom jinġabru 25 tifel li jidħlu fl-akkademja tal-MFA.

Bjorn Vassallo

It-tema ta’ Bjorn Vassallo hi Forward Together Vision 2027 b’erba’ pilastri strateġiċi li fuqhom irid jgħolli l-livell tal-futbol f’pajjiżna. Dawn huma governanza aħjar, infrastruttura li tiġi żviluppata u tkun aċċessibbli għal kulħadd, żvilupp mis-settur taż-żgħażagħ sal-aqwa plejers lokali u l-kompetittività.

Fost l-ideat tiegħu fil-programm

Parti importanti mill-viżjoni tiegħu hi l-infrastruttura. Hu għandu ħsieb li sal-2021 jinbena Technical Centre li jiffunzjona f’aktar minn aspett wieħed. Dan ikun jinkludi żewġ hubs reġjonali għat-taħriġ biex jiġu żviluppati ż-żgħażagħ, jitlesta stadium reġjonali ġdid fin-nofsinhar ta’ Malta għal aktar aċċess tal-futbol, kif ukoll jiġi żviluppat il-grawnd ta’ Sannat bħala stadium sekondarju għal Għawdex.

Fażi oħra tal-iżvilupp fl-infrastruttura hu li sal-2025 issir żvilupp tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fejn issir bidla fl-istadium u tonqos il-kapaċità għal 10,000 spettatur. Dan minbarra proġetti oħra fosthom arena tal-futsal, ċentru tan-negozju u stabbilimenti tad-divertiment u tal-ikel.

Idea ta’ Vassallo hi jiġi diskuss il-ħolqien ta’ tim professjonali u tim taż-żgħażagħ li jkun magħmul minn plejers Maltin biex jipparteċipa f’kampjonat professjonali barrani. Ħsieb ieħor hu li tinħoloq filosofija tal-logħba għat-timijiet nazzjonali kollha.

Fis-settur taż-żgħażagħ u l-grassroots, Bjorn Vassallo għandu pjan li joħloq fondazzjoni Inħobb il-Football u jorganizza ż-żgħażagħ u l-grassroots b’kollaborazzjoni mal-istrateġija tal-assoċjazzjoni għal Youth Football. F’dan is-settur, Vassallo jrid jinvesti fi programm tal-kowċing u fl-akkademji tal-klabb, kif ukoll tingħata ħarsa lejn is-sistema tal-liċenzji tan-nurseries.