Lokali

It-13-il edizzjoni tal-Kilimanjaro Challenge

Lejn l-aħħar ta’ din is-sena se ssir it-tlettax-il edizzjoni tal-Kilimanjaro Challenge (KC13) – appuntament annwali fejn sittax-il voluntier mistennija jitilgħu sal-quċċata tal-Muntanja Kilimanjaro b’għan nobbli sabiex jinġabru fondi b’risq il-komunità Etjopjana.

Permezz ta’ dan l-avveniment, tul dawn l-aħħar tnax-il sena nġabru iktar minn €820,000 għal għaxar proġetti ġewwa l-Kenja u l-Etjopja. Dawn il-proġetti b’għan filantropiku kienu lkoll immexxija mill-“Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu” (VO/0140) li kien twaqqaf mill-mibki Dun Ġorġ Grima. 

Keith Marshall, il-fundatur tal-KC, isostni li l-proġetti mwettqa kienu suċċess kbir, kemm min-naħa ta’ numru ta’ voluntiera li rnexxielhom jitilgħu sal-quċċata tal-muntanja, kif ukoll mill-ammont ta’ fondi li nġabru għal din kawża.  Sa issa, aktar minn €820,000 inġabru permezz tal- Kilimanjaro Challenge, li servew sabiex jiġu mibnija skola u kunvent ġewwa l-villaġġ Etjopjan ta’ Bulbula, dar soċjali għal mitt tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali, torox jew għomja ġewwa l-Kenja, klinika f’Sakko u erba’ skejjel ġewwa Gambella, Dembidolo, Jemu u Wush Wush – li kollha jinsabu ġewwa l-Etjopja. 

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Min-naħa tiegħu, Austin Cachia l-koorganizzatur tal-KC saħaq li l-isfida ta’ din is-sena hija li jinġabru €100,000 sabiex tiġi ffinanzjata t-tlestija tal-iskola primarja ġewwa Bonga, l-Etjopja. Din l-iskola se tkun mibnija fuq żewġ sulari u se tikkonsisti fi 12-il klassi. Il-ħtieġa għal dan il-proġett ġejja direttament mir-residenti ta’ Bonga, peress illi f’dan ir-raħal m’hemm ebda skola primarja għat-tfal.  B’hekk minn dan il-proġett se jibbenefikaw madwar 450 tifel u tifla li għandhom bejn 7 u 12-il sena li joqogħdu ġewwa Bonga flimkien mal-familji rispettivi tagħhom.

Il-membru tal-espedizzjoni Jonathan Galea tenna li t-tim ta’ din is-sena ilu jiltaqa’ u jitħarreġ minn Marzu li għadda u mistenni jtir lejn l-Afrika fil-31 ta’ Diċembru. Hemm se jqatta’ l-ewwel tmint ijiem f’espedizzjoni lejn il-muntanja u wara se jerħila lejn l-Etjopja sabiex jinawgura l-proġett.

Sabiex il-mira tintlaħaq, il-membri tal-KC13 bħalissa qed jorganizzaw diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. L-attività li jmiss se tikkonsisti f’BBQ li se jsir fit-28 ta’ Lulju  2019. Il-qligħ kollu minn din l-attività se jservi sabiex jiġi ffinanzjat il-proġett. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jirreferi ghall-paġna Facebook tal-Kilimanjaro Challenge  jew billi jikkuntattja lil Cinzia Fenech fuq 77558833.

Wieħed jista’ jgħin ukoll billi tibgħat id-donazzjoni tiegħu billi jċempel jew jibgħat messaġġ fuq dawn in-numri:

Ċempel fuq: Ibgħat SMS fuq:
51502084 – €5 50618062 – €4.66
51602028 – €10 50618861 – €6.99
51802095 – €25 50619261 – €11.65