Lokali

“Il-Kunsill Ġenerali huwa proċess li se noħorġu minnu iktar b’saħħitna” – Adrian Delia

“Irridu ngħaddu minn dan il-proċess biex noħorġu iktar b’saħħitna, u wara nibdew ir-riformi li permezz tagħhom kull min hu ta’ rieda tajba se jkollu ċ-ċans li jaħdem għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dwar il-Kunsill Ġenerali Straordinjarju tas-27 ta’ Lulju meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li wara l-Kunsill Ġenerali, l-Partit Nazzjonalista jrid jimxi ‘l quddiem bir-ristrutturar u r-riformi li jwasslu biex il-partit ikun iżjed organizzat, aktar attiv u jiffunzjona bl-aħjar mod. Dan permezz ukoll tal-ħidma kbira li qed iwettaq Louis Galea. Huwa tkellem dwar l-importanza li nkunu magħqudin fil-prinċipji tagħna, fejn niddiskutu l-politika iżda magħqudin u flimkien għall-ġid tal-partit u l-pajjiż, filwaqt li nistiednu nies oħrajn jingħaqdu magħna. Dan biex kulħadd iħossu parteċipi, mhux biss bħala osservatur imma protagonist tal-bidla.

Adrian Delia qal li filwaqt li kien għaddej dan il-proċess kollu li jwassal sal-Kunsill Ġenerali ta’ nhar is-Sibt, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ferm attiva fosthom fil-każ tal-Fortina u l-proġett tat-trakka taż-żwiemel u l-polo fil-Marsa.

Huwa qal li kiteb lill-Prim Ministru biex jinfurmah li l-Oppożizzjoni kienet disposta li tibqa’ taħdem matul is-sajf biex issir l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iżda sal-lum il-Prim Ministru baqa’ ma weġibx.

Adrian Delia qal li l-Qorti Kostituzzjonali aċċettat it-talba li huwa għamel biex tliet Ministri tal-Gvern jixhdu dwar informazzjoni relatata ma’ Egrant li ma kinitx parti mill-konklużjonijiet tar-rapport li ġew ippubblikati.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern kien wiegħed li se jagħti prijorità lill-ambjent mentri fil-verità qed jiggarantixxi l-qerda ambjentali. Dan meta filwaqt li pajjiżna għandu fost l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa u mijiet imutu minħabba mard respiratorju, jiġu approvati proġetti li qed iwasslu għall-qerda tas-siġar.

Adrian Delia qal li l-Gvern ma jimpurtahx mill-ambjent għaliex il-kwalità tal-ħajja tan-nies ma jitkejjilx biss bil-GDP. Huwa qal li l-PN irid ekonomija ċirkolari fejn l-ambjent ikun fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi. Dr Delia qal li min jitkellem għas-sewwa, bħal attivisti li tkellmu favur l-ambjent u sfaw imċanfra mill-Gvern, se jkunu qed isibu lill-Partit Nazzjonalista warajh u jappoġġjah anke meta jista’ jkun li ma jaqblux fuq affarijiet oħrajn.

Il-PN se jkun qed joffri wkoll id-difiża għad-dritt tal-espressjoni, biex l-ambjentalisti jibqgħu jsemmgħu leħinhom bla xkiel dwar il-ħarsien ambjentali.