Edukazzjoni Lokali

L-Akkademja tal-Malti bl-ewwel Presidenta

Fid-99 sena mit-twaqqif tagħha, l-Akkademja tal-Malti għandha l-ewwel President mara.

Ann Marie Schembri se tkun qed tassumi din il-kariga wara li l-Ġimgħa ġiet eletta president f’elezzjoni li permezz tagħha ġie magħżul ukoll il-Kumitat għas-snin 2019 – 2021.

Mal-ħatra tagħha, Schembri esprimiet ix-xewqa li tissejjaħ Presidenta.  Hi se tkun qed tkompli fuq ix-xogħol tal-Professur Albert Borg, li kien qed jokkupa din il-kariga qabilha.

Il-membri oħra tal-Kumitat eletti huma David Agius Muscat, Joseph P. Borg, Charles Casha, Phyllis Debono, George Farrugia, Reno Fenech, Sergio Grech, Rita Saliba, Olvin Vella kif ukoll Daniel Bezzina.

Kien Franġisk Saver Caruana li fl-1920 ħeġġeġ għadd ta’ kittieba tal-Malti sabiex jingħaqdu flimkien u jwaqqfu għaqda bil-għan li tħares l-ortografija tal-Malti. Din l-għaqda ingħatat l-isem Għaqda Kittieba tal-Malti.

L-Għaqda mall-ewwel ħatret kummissjoni  bil-għan li tgħin fit-titjib  tal-ortografija. Il-Kummissjoni, bl-isem Tagħrif fuq il-Kitba Maltija kienet iffurmata fost oħrajn minn Ġużè Muscat Azzopardi, Ninu Cremona u Dun Karm Psaila.

Maz-żmien l-għaqda ħadet is-sura ta’ Akkademja. Dik li fil-fatt illum nafuha bħala l-Akkademja tal-Malti.

L-għan tal-Akkademja hija li taħdem biex iġġib ‘il quddiem il-qagħda tal-Malti bħala lsien nazzjonali fl-oqsma kollha tal-ħajja flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.