Futbol Lokali Sport

Bjorn Vassallo elett President ġdid tal-MFA

Is-Sibt, f’lukanda ewlenija fil-Furjana saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Football Association – MFA.

Saret l-elezzjoni biex jinħatar president ġdid ta’ l-assoċjazzjoni – il-kandidati kienu Chris Bonnet u Bjorn Vassallo.

9:45AM – Il-President attwali, Norman Darmanin Demajo fetaħ din il-laqgħa u beda billi faħħar lit-timijiet Maltin li għadhom kemm ħadu sehem fil-kompetizzjonijiet tal-Ewropa b’aċċenn għas-suċċess ta’ Valletta u Gżira United. Darmanin Demajo faħħar lit-tim kollu tal-MFA.


Tkellem il-Viċi President tal-UEFA, Michele Uva fejn qal li ma jixtieqx li jitlef lil Norman Darmanin Demajo għal kollox mid-dinja tal-futbol u qal li jispera li l-futbol Malti jkompli jigwadanja mill-esperjenza tiegħu. Hu irringrazjah ta’ kollox. Uva semma li jinsab kuntent li ra lil Malta takkwista riżultat pożittiv f’pajjiżna kontra l-Gżejjer Faroe ftit tax-xhur ilu.

“Importanti li l-familja tal-futbol Malti tibqa’ maqgħuda wara din l-elezzjoni” – kompla Uva

10:00AM – Inżammet minuta silenzju b’rispett lejn il-memorja ta’ dawk kollha li b’xi mod kienu jiffurmaw parti mill-familja tal-futbol Malti li tilfu ħajjithom tul l-aħħar 12-il xhar.

10:05AM – Filmat b’ħarsa lejn dak kollu li ġara fil-futbol Malti tul l-aħħar sena fejn għandha x’taqsam il-MFA.

10:10AM – Is-Segretarju Ġenerali, Angelo Chetcuti, qal li jħoss li komplew jimxu ‘l quddiem fil-ħsieb u kif isiru l-affarijiet; fosthom Ambjent Diġitali aħjar (Football Management System), l-iskema biex jintużaw aktar żgħażagħ u li l-MFA tkun iktar miftuħa, biex jiġi stabbilit il-bażi tal-futbol lokali, fejn tkun l-MFA stess li tmur għand il-klabbs u udjenzi oħra fejn għamel aċċen għal attivitajiet varji li qed isiru biex jattiraw aktar nies lejn il-futbol Malti. Angelo Chetcuti irringrazzja lil Robert Gatt li fl-aħħar jiem irtira mill-kariga li kellu fl-MFA, lill-Pulizija ta’ Malta u lill-President Norman Darmanin Demajo – bniedem li jisma’ ħafna, kien strumentali u jibqa’ magħruf għall-infrastruttura fil-klabbs – f’isem il-familja tal-futbol irringrazjah għal dawn id-9 snin li għamel f’din il-kariga.

10:20AM – Approvat ir-Rapport Amministrattiv

10:30AM – Ir-Rapport Finanzjarju: Perjodu li spiċċa fil-31 ta’ Marzu 2019 il-MFA għamlet dħul ta’ 9.4 Miljun EUR u infieq ta’ madwar 8 Miljuni biex b’hekk l-MFA għamlet profit ta’ madwar nofs miljun. Dan iffiser li meta tikkumpara mal-aħħar sentejn l-MFA daħlet madwar 2 miljuni aktar fi flus u għamlet aktar profit.

10:40AM – Approvat ir-Rapport Finanzjarju

10:50AM – Tibda l-elezzjoni għall-President il-ġdid tal-MFA. Qed issir il-votazzjoni.

Kien hawn 139 vot eliġibli pero vvutaw 137.

11:45AM – Jibda l-għadd tal-voti.

12:00PM – Bjorn Vassallo elett President ġdid tal-MFA 2019-2022 b’83 vot kontra l-54 li ġab Chris Bonnet – segwi l-mument f’din il-link: https://www.facebook.com/NetNewsMalta/videos/2330615497257804/


Il-Kap tal-PN, Adrian Delia, awgura lil Bjorn Vassallo ftit wara li kien elett President tal-MFA

12:20PM – Tibda l-elezzjoni tal-Viċi Presidenti tal-MFA – Il-kandidati għat-tliet karigi fi ħdan l-MFA huma Adrian Casha, Cory Greenland, Peter Fenech, Alex Manfre, Ludovic Micallef, u Matthew Paris.

1.21PM – Eletti t-tliet Viċi Presidenti – Matthew Paris kiseb l-akbar ammont ta’ voti b’103, Ludovico Micallef kiseb 67 vot u Adrian Casha kiseb 60 vot b’tal-aħħar se tkun l-ewwel darba li ġie elett. Peter Fenech kiseb 59 vot, Cory Greenland kiseb 58 vot u Alex Manfre ġab 23 vot biex b’hekk hu l-uniku Viċi President mit-tliet li kien hemm li mhux se jżomm postu. Il-voti ngħaddu darbtejn minħabba votazzjoni viċina.

2.26PM – Eletti ż-żewġ rappreżentanti f’isem l-Ewwel Diviżjoni fl-Eżekuttiv tal-MFA. Joe Sammut ta’ Pietà Hotspurs kiseb 91 vot, Laurence Seychell ta’ Vittoriosa Stars kiseb 56 vot u Paul Falzon ta’ St. Andrews ġab 52 vot. Mit-Tielet Diviżjoni ġew eletti Cory Greenland ta’ Marsaskala bi 78 vot, Chris Grech ta’ Għargħur kiseb 68 vot filwaqt li Raymond Micallef ta’ Attard kiseb 47 vot. Bħalissa qed issir l-elezzjoni għal żewġ membri oħra fl-Eżekuttiv f’isem il-klabbs membri.

3.13PM – Eletti ż-żewġ membri f’isem il-klabbs overall fl-Eżekuttiv tal-MFA. Chris Muscat kiseb 50 vot segwit minn Claudio Martinelli li kiseb 47 vot. Raymond Micallef u Paul Falzon kienu l-kontestanti l-oħra u kisbu 42 u 41 vot rispettivament.