Futbol Sport

Sitt kandidati għal tliet postijiet ta’ Viċi Presidenti tal-MFA

Illum issir l-elezzjoni għal tliet postijiet ta’ Viċi President tal-MFA. B’kollox hemm sitt kandidati, bit-tliet Viċi Presidenti preżenti se jkunu qed jerġgħu jikkontestaw.

L-aktar favorit li jkun elett jidher li hu l-avukat Matthew Paris. Hu ġie elett bħala Viċi President tal-MFA lejn tmiem l-2016 meta kien rebaħ l-elezzjoni missielta wara li Chris Bonett kien irriżenja mill-kariga.

Alex Manfre ilu Viċi President tal-assoċjazzjoni mill-2010 u ġie elett dejjem minn dakinhar wara li qabel kien ukoll Teżorier tal-MFA.

Il-perit Ludovigo Micallef hu l-Viċi President Anzjan tal-MFA, kariga li okkupa mill-2013 wara li Carmelo Bartolo ma kienx elett f’dik l-elezzjoni. Micallef hu l-aktar wieħed ta’ esperjenza mill-kontestanti hekk kif anki serva għal żmien twil taħt it-tmexxija ta’ Joe Mifsud. Hu kien ikkontesta għal Viċi President għall-ewwel darba fl-1996 iżda ma kienx elett madankollu kien elett sentejn wara.

It-tliet kontestanti l-oħra kollha huma marbutin b’xi mod mal-futbol. L-avukat Peter Fenech bħalissa hu l-President ta’ Lija Athletic u fl-2007 kien inħatar Viċi President. Tliet snin wara hu ma kienx elett u fl-2013 kien ikkontesta lil Norman Darmanin Demajo għal President tal-MFA iżda kien ġab biss 23 vot. Fl-elezzjoni tal-2016 biex jimtela l-post ta’ Chris Bonett, Fenech kien ikkontesta u kiseb 29 vot.

In-nutar Cory Greenland kien ukoll ikkontesta l-elezzjoni għal Viċi President fl-2016 hu kien ġab 33 vot kontra s-37 vot li kien kiseb Paris. Greenland fl-aħħar snin kien fil-kumitat ta’ Marsaskala u anki fil-Kunsill tal-MFA f’isem l-istess klabb.

Il-kandidat l-ieħor hu Adrian Casha li bħalissa hu wieħed mir-rappreżentanti tal-ISA fil-Kunsill tal-MFA. Casha fil-passat kellu karriera ta’ referee u anki kien referee tal-FIFA bejn l-2003 u l-2007. Fl-2010 kien inħatar Direttur tar-Referees tal-MFA u kien irriżenja f’Marzu ta’ sitt snin wara.

Ikkummenta

Tags