Lokali

AĠĠORNATA: Solvut delitt li sar 11-il sena ilu

Dan is-sit jista’ jiżvela b’mod esklussiv kif fis-sigħat li għaddew il-Pulizija tad-Dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali solviet b’suċċess delitt ta’ mara li twettaq 11-il sena ilu preċiżament fl-2008.

Partijiet mill-katavru nstabu moħbija f’sur tal-Belt, fl-akkwati ta’ wara l-lukanda Phoenicia, uffiċjali mill-Iskwadra tal-Omiċidji tal-Pulizija u tal-forensika sabu fdalijiet fosthom diversi għadam u ras ta’ persuna. Kien l–istess awtur tad-delitt li fis-sigħat li għaddew żvela kollox mal-Pulizija. Raġel għadu qed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti akkuzat b’dan l-omiċidju fis-sigħat li ġejjin probabbliment għada.

Net news jinsab infurmat li r-raġel arrestat b’rabta ma’ dan l-qtil huwa l-istess wieħed li iktar kmieni din il-ġimgħa ġie arrestat wara li nqabad jipprova jisraq minn ħanut ġewwa l-Gżira.

Jidher li r-raġel ammetta l-involviment tiegħu f’dan l-omiċidju fejn kien hu stess li wassal lill-Pulizija fil-post fejn allegatament ħeba l-katavru.

Kollox jindika li dan kien delitt makabru fejn saħansitra dakinhar il-Pulizija kienet għamlet diversi avviżi dwar persuna rappurtata nieqsa.

Il-mara Charlene Farrugia ta’ 25 sena, dehret l-aħħar issuq Toyota Platz griża bin-numru ta’ reġistrazzjoni CBQ803 fil-Belt Valletta nhar is-6 ta’ Novembru tal-2008. Hija kienet liebsa top iswed bil-kmiem qosra, jeans blu u żarbun abjad. Kellha wkoll salib imdendel ma’ għonqha.

Il-Pulizija ftit tal-minuti ilu fi stqarrija kkonfermat l-aħbar żvelata minn dan is-sit u qalet li filfatt qed tinvestiga raġel Malti b’rabta ma’ delitt li seħħ fl-2008 ta’ mara minn San Pawl il -Baħar.

Dwar din is-sejba, ġiet maħtura inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Audrey Demicoli.

Tags