Illum qed titkompla l-Maratona ġbir ta’ fondi ta’ sittin siegħa ‘Oħloq Tbissima’ li din is-sena daħlet fis-17-il edizzjoni tagħha.
Maratona li qed tiġbor fondi għal persuni fqar fil-Peru. Fost id-diversi proġett li se jsiru f’dan il-pajjiż mill-missjunarji Maltin hemm il-bini ta’ skola, klinika, razzett u ma jistax jonqos ukoll li jinbnew djar minflok dawk tat-tafal li għandhom bħalissa.
Dalgħodu żar din il-maratona il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius. Huwa saħaq li meta jkollna attivitajiet bħal dawn joħroġ is-sabiħ tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. David Agius irringrazzja lil dawk kollha involuti għax xogħol li qed iwettqu matul din il-maratona kif ukoll matul is-sena kollha fejn numru kbir ta’ voluntiera qed jgħinu u jagħtu kontirbut siewi lill-komunità.
Il-Viċi Kap tal-PN temm jgħid li hija ħaġa verament sabiħa li l-poplu Malti jingħaqad flimkien biex jgħin f’ċirkostanzi bħal dawn għal kawża ġusta.
Waqt din il-Maratona se jkun hemm esebizzjoni minn disa’ artisti, b’kull artist se jkun qed jagħti b’donazzjoni waħda mill-pitturi tiegħu biex jinbiegħu waqt il-Maratona ‘Ohloq Tbissima’. Barra dan kollu se jkun hemm numru ta’ attivitajiet għaddejjin.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jipparteċipa billi jżur id-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera filwaqt li jagħti l-kontribut finanzjarju tiegħu. Il-maratona Oħloq Tbissima tibqa’ għaddejja sa għada filgħaxija.
//= $special ?>