“Ir-riforma politika u l-istrutturat intern li se jsir wara l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista se jwassal biex joħroġ min vera huma dawk li jħobbu, jridu u lesti li jgħatu dak kollu li jistaw għall-Partit.”
Kien dan kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista li saritlu minn The Malta Independent.
Adrian Delia saħaq li l-bieb tad-Dar Ċentrali se jkun miftuħ għal kulħadd bħalma dejjem kien la darba wieħed ikun lest li jaħdem favur il-Partit.
Hu żied jgħid li wasal iż-żmien biex dawk li l-intenzjoni tagħhom hi biss li jagħmlu ħsara lil Partit għandhom iwarbu biex jgħatu spazju lil min vera jixtieq jaħdem f’Oppożizzjoni f’saħħitha.
Adrian Delia jgħid li hu se jgħati lin-nies dak li dejjem wiegħed.
“Jiena bniedem illi ridt lil Partit Nazzjonalista nieħdu lura għand in-nies. Is-saħħa tan-nies, il-kelma tan-nies, ir-rieda tan-nies reign supreme. B’hekk, b’serenità se mmur għal dan il-vot u nemmen li l-kunssilliera tagħna jafu jgħarfu dan il-mument delikat.”
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li wara l-Kunsill Ġenerali se jiffoka biex jaħdem favur il-Partit u pajjiżna.
“Irrid li nikkonċentraw fuq is-sustanza. Irrid li nikkonċentraw li nifhmu u naraw it-tibdil veru xi jrid isir, it-tisħiħ veru li hemm bżonn li jsir, imbagħad il-formalità jrid ikun hemm iżda l-iktar ħaġa importanti li mmorru għall-vot u tissaħħaħ it-tmexxija.”