Lokali

Argument iħalli raġel isofri minn ġrieħi gravi

Argument li seħħ kmieni dalgħodu ħalla żewġt irġiel isofru minn xi ġrieħi, wieħed minnhom minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8.30 ta’ dalgħodu meta għal xi raġuni inqala’ argument bejn grupp ta’ persuni, x’aktarx kollha barranin fi Triq il-Ġifen f’San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija fejn irriżulta li żewġt irġiel, wieħed ta’ 35 sena u ieħor ta’ 27 sena, it-Tnejn mil-Libja sofrew ġrieħi hekk kif kienu involuti f’argument.

Fuq il-post waslet ambulanza li ħadet iż-żagħżugħ l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Ir-raġel l-ieħor ta’ 35 sena ttieħed ġewwa ċentru tas-saħħa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.