L-awtoritajiet tal-Vatikan, fi tmiem il-ġimgħa, organizzaw l-aħħar tentattiv biex, forsi, jsolvu l-misteru dwar it-tfajla adolexxenti – Emanuela Orlandi – li kienet għebet f’Ruma madwar 36 sena ilu.
It-tentattiv preċedenti, fil-11 ta’ Lulju, kien jinvolvi proċess ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ żewġ oqbra li, skont l-informazzjoni partikulari, ‘seta kien fihom il-fdalijiet ta’ Orlandi’.
Madankollu, il-misteru kompla jikber meta t-tfittxija lanqas biss żvelat l-għadam ta’ żewġ prinċipessi li ħasbu li kienu midfuna fl-oqbra partikulari. Dan meta l-Vatikan jemmen li l-għadam tal-prinċipessi kienu ġew trasferiti mis-sit waqt xi ħidma li kienet saret matul is-snin sittin u s-sebgħinijiet u meta d-dettalji jibqgħu oskuri.
L-esperti, fi tmiem il-ġimgħa, eżaminaw żewġ osswarji (kmamar żgħar fejn jindifnu l-mejtin) li kienu nstabu waqt l-ewwel tfittxija — bl-għadam elevat mill-osswarji jispiċċa analizzat fuq il-post. Il-Vatikan, wara, qal li l-analiżi tal-għadam għandha tkompli ftit tal-jiem oħra.
Id-direttur għall-Istampa tas-Santa Sede, Alessandro Gisotti, qal lill-istazzjon tal-aħbarijiet tal-Vatikan li l-esperti forensiċi qegħdin jevalwaw kwalunkwe fdalijiet ‘skont il-protokolli internazzjonali’, iżda ma qalx kemm mistenni jdum il-proċess.
Ix-xjenzati jistgħu jistabbilixxu d-dati ta’ kwalunkwe għadam fi spazju ta’ ftit sigħat biss, għalkemm l-identifikazzjoni formali bil-mezzi tad-DNA għandhom idumu aktar.
Il-familja ta’ Orlandi, intant, qed tkompli tittama li t-tfittxija fil-Kulleġġ Pontifikali Tewtoniku tal-Vatikan issolvi l-misteru ‘tat-tfajla l-mitlufa’ li ilu jaffaxxina lit-Taljani mill-1983.
Fit-22 ta’ Ġunju tal-1983, Emanuela Orlandi kienet fi triqtha lura d-dar wara lezzjoni tal-mużika u meta ntlemħet l-aħħar darba waqt li kienet fuq stejġ tal-linja fiċ-ċentru ta’ Ruma.
Minn dak il-ħin, it-tfajla sempliċiment ‘sparixxiet’ u qatt ma reġgħet dehret.
L-għajbien kien qanqal snin sħaħ ta’ spekulazzjoni, fost diversi teoriji li bbażaw fuq ‘il-ħtif’ jew ‘il-qtil’ ta’ Emanuela Orlandi.
Madankollu, l-aktar mistoqsija li spikkat tul is-snin titratta ‘il-post fejn x’aktax li ndifen il-katavru tat-tfajla’.
Il-familja Orlandi, sadanittant, kellha tgħix f’dan l-inkubu, b’kull ‘raġġ ta’ dawl’ jew żblokk potenzjali fil-każ tat-tfajla jisfumaw fix-xejn – u bl-ispekulazzjoni dwar Emanuela aktar, kulma jmur, tirranka.
//= $special ?>