Rekording ta’ kuntatti bir-radju bejn fejgata tar-Royal Navy Britanniku u bastimenti tal-qawwiet Iranjani hu l-aħħar żvilupp fil-kriżi attwali li qed tirranka bejn l-Iran u r-Renju Unit. Il-kuntatti seħħew mumenti qabel tanker taż-żejt li kien qed ibaħħar taħt bandiera Britannika inħataf fir-reġjun tal-Golf, fi tmiem il-ġimgħa.
Fir-rekording, l-ekwipaġġ ta’ bastiment Iranjan jinstama’ jinforma lill-frejgata, HMS Montrose, li ried jispezzjona lit-tanker ‘Stena Impero’ għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Il-Gvern tar-Renju Unit, intant, beħsiebu jsegwi ‘kull miżura diplomatika’ fiċ-ċirkustanzi waqt li l-ambaxxatur Iranjan f’Londra wissa lill-Britanniċi biex ma jeskalawx it-tensjoni. L-ambaxxatur Hamid Baeidinejad wissa dwar ‘passi mgħaġġlin’ fi żmien sensittiv għar-reġjun tal-Golf u wissa li l-Iran hu lest ‘għal xenarji differenti’.
Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Jeremy Hunt, ħeġġeġ lill-Iran biex jirrilaxxa t-tanker ‘wara l-ħtif illegali’. Hu spjega wkoll li l-Parlament ta’ Londra, għada, se jkun aġġornat dwar ‘il-miżuri addizzjonali’ min-naħa tal-Gvern Britanniku f’din is-sitwazzjoni.
It-tanker ‘Stena Impero’ spiċċa f’idejn il-Gwardjani Rivoluzzjonarji tal-Iran meta kien fil-Baħar ta’ Hormuz, li hu rotta ewlenija għall-bastimenti fir-reġjun tal-Golf. Il-Gwardjani Iranjani anki kienu telgħu fuq tieni tanker tar-Renju Unit bl-isem MV Mesdar, iżda dan it-tanker, imbagħad, tħalla jkompli bil-vjaġġ tiegħu.
Dan meta l-HMS Montrose – minkejja li rċieva messaġġ ta’ allert – kien wisq ‘il bogħod biex jevita l-ħtif tas-‘Stena Impero’.
L-Iran qed jgħid li t-tanker ‘Stena Impero’ kien qed jabbuża r-regoli marittimi internazzjonali. Ir-rapport tal-Iranjani sostna li t-tanker inqabad wara li kien ħabat ma’ dgħajsa tas-sajd u ma weġibx għas-sejħiet li bdew jaslulu mill-ekwipaġġ tad-dgħajsa.
Iżda s-Segretarju Hunt qal li t-tanker Britanniku inħataf fl-ibħra tal-Oman ‘bi ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali’ u fejn, imbagħad, kien sfurzat biex jivvjaġġa lejn l-Iran. Is-sidien tat-tanker, Stena Bulk, qalu li is-‘Stena Impero’ dak il-ħin kien qed jikkoopera mar-regoli meta (anki) kien qed jivvjaġġa fl-ibħra internazzjonali.
//= $special ?>