Il-Kummissjoni Elettorali, tul il-proċess kollu li se jwassal għall-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista s-Sibt li ġej imsejjaħ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, għamlet xogħol mill-aktar metikoluż u rigoruż biex taċċerta l-korrettezza f’kull stadju tiegħu li jinkludi l-vot li se jittieħed għall-mistoqsija li se jkunu qegħdin iwieġbu għaliha l-Kunsilliera tal-Partit nhar l-Erbgħa għal min se jkun qiegħed jieħu sehem fl-early voting, u għas-Sbt li ġej meta jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenenrali tal-Partit.
Dik iddikjarah Francis Zammit Dimech, iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali li qed tmexxi l-elezzjoni tas-Sibt li ġej bħala parti mill-Kunsill Ġenerali Straordinarju msejjaħ mill-Kap tal-Partit Adrian Delia.
F’intervista ma’ il-mument, Francis Zammit Dimech spjega fid-dettall dak kollu li se jkun qed jiġri f’dawn il-jiem b’rabta ma’ din l-elezzjoni fejn il-mistoqsija hi waħda ċara u diretta.
Madankollu Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar l-importanza li minn dan il-mument diffiċli, il-Partit Nazzjonalista jagħraf jingħaqad biex hekk jissokta l-ħidma tiegħu għat-tisħiħ tal-valuri tad-demokrazija fil-pajjiż.
Hu qal li f’dawn il-mumenti diffiċli għall-Partit Nazzjonalista jrid ikollna l-għaqal u l-maturità biex mhux biss niddeċiedu flimkien fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista, imma biex fuq kollox nagħrfu kif għalina għandu jeżisti avversarju politiku wieħed biss, li hu l-Partit Laburista.
Hu saħaq li hu imperattiv f’dawn il-mumenti tal-istorja, li għalina t-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista jkun marbut mal-ħarsien tal-futur ta’ pajjiżna, u b’mod partikulari l-ħarsien tad-demokrazija f’Malta.
It-test kollu tal-intervista ma’ Francis Zammit Dimech hu:
Francis Zammit Dimech beda biex spjega li l-Kummissjoni Elettorali tul il-proċess kollu għamlet xogħol mill-aktar metikoluż u rigoruż biex taċċerta l-korrettezza f’kull stadju ta’ din l-elezzjoni.
Hu qal li issa f’dan l-istadju lestiet il-verifika b’mod totali u trasparenti tal-lista tal-Kunsillieri biex ikun determinat min għandu d-dritt jew min m’għandux id-dritt għall-vot fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju tas-Sibt li ġej.
Fil-fatt sa issa kull min għandu dan id-dritt suppost li rċieva ittra mill-Kummissjoni li fiha tgħidlu li għandu dak id-dritt jew li d-dritt jeżisti imma jrid iġedded it-tessera sa mhux aktar tard min-nhar l-Erbgħa li ġej f’nofsinhar.
L-ittri ħarġu b’mod personalizzat u jispjegaw b’mod ċar lil kull min jirċeviha dan il-messaġġ tal-Kummissjoni. Dan ifisser ukoll li jekk hemm min sal-lum għadu ma rċeviex din l-ittra u jħoss li xorta waħda għandu d-dritt għall-vot, allura dan għandu immedjatament jibgħat korrispondenza elettronika lill-Kummissjoni fuq kummissjoni@pn.org.mt biex jindika għaliex iħoss li għandu dan id-dritt għall-vot u hekk il-Kummissjoni, qabel nhar l-Erbgħa li ġej, tkun tista’ tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa.
Sadattant il-Kummissjoni hi preparata għall-proċess kollu tal-votazzjoni li se jinkludi l-possibbiltà ta’ early voting nhar l-Erbgħa li ġej bejn il-5pm u t-8pm. L-early voting ikun jista’ jsir kemm fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà kif ukoll fil-Kwartieri tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, f’Għawdex. Dan apparti mill-votazzjoni li mbagħad se ssir nhar is-Sibt li ġej mill-10am sas-6pm.
Francis Zammit Dimech enfasizza li fir-rigward tal-votazzjoni tas-Sibt li ġej, billi l-votazzjoni tkun qed issir fil-kuntest tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju kif ukoll għal raġunijiet loġistiċi, din tkun qed issir biss fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Malta.
Il-Kummissjoni Elettorali qed tagħmel dak kollu meħtieġ biex il-proċess kollu jsir bl-aktar mod ġust, trasparenti u anki bl-akbar kalma. Dan kollu kif jixraq f’Partit li għandu għal qalbu l-valuri kollha li dejjem għożż, mhux l-inqas il-valuri tad-demokrazija u t-trasparenza.
Il-Kummissjoni Elettorali tistenna li r-riżultat ta’ din il-votazzjoni jinħareġ tard is-Sibt filgħaxija.
Mistoqsi dwar x’se tkun il-mistoqsija li fuqha se jivvutaw il-Kunsillieri, Francis Zammit Dimech spjega li l-mistoqsija qed issir b’mod ċar u dirett: “Int trid li Adrian Delia jibqa’ jmexxi l-Partit Nazzjonalista sal-Elezzjoni Ġenerali li jmiss?”
Kull Kunsillier, skont il-preferenza tiegħu, jirrispondi “iva” jew “le” billi jimmarka l-kaxxa relatata.
Mistoqsi kif immaturat din il-mistoqsija partikulari għal quddiem il-Kunsillieri – li jammontaw għal madwar 1,500 – Francis Zammit Dimech qal li inizjalment il-Kummissjoni Elettorali kienet ippreżentata bil-mistoqsija kif iffurmulata mill-Kap tal-Partit peress li dan il-Kunsill Ġenerali Straordinarju qiegħed jissejjaħ minnu skont l-Artiklu 30C tal-Istatut.
Imma l-Kummissjoni ma reditx tinjora l-fatt li kien hemm ukoll żewġ petizzjonijiet ippreżentati fuq l-istess suġġett. “Għalhekk jien ħassejt li kelli nissuġġerixxi mistoqsija li tirrifletti dak kollu li kien qed jingħad fil-petizzjonijiet differenti, preċiżament biex wieħed jevita sitwazzjoni fejn irridu noqogħdu nivvutaw fuq aktar minn mistoqsija waħda jew anki li jkollna niltaqgħu f’aktar minn Kunsill Ġenerali wieħed.”
Francis Zammit Dimech kompla li sa mill-ewwel laqgħa hu ħass li l-mistoqsija kif intbagħtet lill-Kummissjoni mill-Kap tal-Partit, imma b’emenda importanti li mbagħad kienet aċċettata mill-istess Kap tal-Partit, “allura konna qed nirriflettu l-petizzjonijiet kollha li kien irċieva l-Partit.”
Hu qal li hu kburi ħafna li wara proċess twil ta’ diskussjoni u anki komunikazzjoni man-nies kollha involuti, nhar it-Tlieta li għadda fl-Eżekuttiv tal-Partit “stajna b’mod unanimu naqblu fuq dak li kont issuġġerejt sa mill-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Elettorali.”
Hu qal li hu ried li l-mistoqsija tkun waħda sempliċi u ċara, bħalma jsir xi referendum nazzjonali, mingħajr ma jiżdiedu mal-mistoqsija r-raġunijiet, favur jew kontra, għaliex dik il-mistoqsija tkun qed issir peress li l-opportunità biex dawk ir-raġunijiet jingħataw, teżisti fl-istess kampanja li n-nies b’fehmiet differenti jkunu qed jagħmlu mal-Kunsillieri tal-Partit.
Mistoqsi kemm hu importanti dan il-Kunsill Ġenerali Straordinarju tas-Sibt li ġej, Francis Zammit Dimech qal li dan hu wieħed importanti ħafna, imma għalih aktar kruċjali minn hekk hu li tkun xi tkun id-deċiżjoni meħuda s-Sibt li ġej, il-Partit għandu joħroġ magħqud u kulħadd għandu jirrispetta d-deċiżjoni li tittieħed, tkun xi tkun dik id-deċiżjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar kull partit demokratiku jrid jagħmel, minn żmien għal żmien, deċiżjonijiet importanti marbuta mal-futur tiegħu u sakemm l-għan aħħar ta’ kulħadd ikun l-istess ġid tal-Partit, ma għandhiex tagħmel differenza xi tkun id-deċiżjoni meħuda sakemm inkunu kemm qabel il-vot u anki wara, ilkoll determinati li naħdmu flimkien u b’għan wieħed.
Mistoqsi dwar id-deċiżjoni li se tittieħed fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju, Francis Zammi Dimech wieġeb li d-deċiżjoni li se tittieħed bla ebda dubju se tagħti direzzjoni, b’mod jew ieħor, u wara li dik id-direzzjoni tkun stabbilità, irridu lkoll nimxu skont dik id-direzzjoni, waqt li fl-istess ħin inħarsu dak kollu li jipprovdi l-Istatut tal-Partit.
Francis Zammit Dimech, mistoqsi kif janalizza dawn iż-żminijiet diffiċli li għaddej minnhom il-Partit Nazzjonalista bħalissa, wieġeb li dawn huma żminijiet diffiċli imma li fl-istess ħin joffru sfida.
“Fuq nota lil hinn minn Malta, bħalissa qed naqra l-ktieb ‘Fall Out’ ta’ Tim Shipman li hu l-Editur Politiku ta’ The Sunday Times fl-Ingilterra. F’dan il-ktieb Tim Shipman jispjega t-tqanqil kbir li kien għadda minnu kemm-il Partit Konservattiv kif ukoll il-Partit Laburista fl-Ingilterra meta l-Prim Ministru Theresa May kienet sejħet elezzjoni bikrija sentejn ilu.
“B’riżultat li la kien intlaqa’ tajjeb mill-Partit Konservattiv u lanqas mill-Partit Laburista. Meta taqra ktieb bħal dan u kotba oħrajn simili, nara kif partiti politiċi madwar id-dinja, b’fehmiet differenti, jgħaddu minn żminijiet li ma jkunux faċli, imma li fl-istess ħin joffrulhom l-opportunità biex huma jaraw aħjar kif għandhom jindirizzaw l-isfidi politiċi li jkollhom quddiemhom, kif għandhom jassiguraw l-għaqda u kif għandhom iħarsu lejn dak li jistgħu jagħmlu mhux biss għall-ġid intern tagħhom, imma fl-aħħar mill-aħħar għall-ġid tal-pajjiż.
“Malta ma hix eċċezzjoni u jrid ikollna l-għaqal u l-maturità biex mhux biss niddeċiedu fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista, imma biex fuq kollox ngħarfu kif għalina għandu jeżisti avversarju politiku wieħed biss, li hu l-Partit Laburista, u għalina t-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista hu wkoll marbut mal-ħarsien tal-futur ta’ pajjiżna, u b’mod partikulari l-ħarsien tad-demokrazija f’Malta,” temm Francis Zammit Dimech.