Il-Ħadd sa nofsillejl hu l-aħħar ċans biex tagħti donazzjoni hekk kif tasal fi tmiemha l-maratona ġbir ta’ fondi ta’ ‘Oħloq Tbissima’.
Il-maratona ser tkun ilha tixxandar għal total li jilħaq is-60 siegħa. Infatti, l-ġbir ta’ fondi beda l-Ġimgħa 19 ta’ Lulju fejn il-telespettaturi ntalbu jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom għal dawk fil-bżonn, b’mod speċjali b’risq is-soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
NET News tkellem ma’ Fr Louis li spjega kif din is-sena l-flus li qed jinġabru ser ikunu qed jintużaw għal nies li qed jgħixu fil-faqar, b’mod speċjali għall-missjoni tal-Monsinjur Giovanni Cefai, Isqof appuntat mill-Papa għall-Missjoni fil-Peru.
L-isforzi ta’ dawn il-missjonijiet huma preżenti kemm f’pajjiżna f’Dar San Gużepp f’Santa Venera, kif ukoll lil hinn minn xtutna b’għajnuna li tasal f’pajjiżi bħalma huma l-Peru, il-Pakistan u l-Filippini.
Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw permezz ta’ telefonata, SMS jew anke online mis-sit tagħhom, Oħloqtbissima.com.
Tul ix-xandira live ġew preżentati diversi somom ta’ flus, li kienu akkumpanjati ma’ numru ta’ spettakli fosthom ta’ żfin, kant u daqq ta’ mużika.
Numru ta’ pitturi u affarijiet tal-arti tpoġġew ukoll għall-irkant li se jibda l-Ħadd fis-6pm
Saret ukoll quddiesa f’Dar San Ġużepp, Santa Venera, b’attendenza numeruża.
Fr Louis qal ukoll illi din is-sena l-maratona kellha ritmu u andament tajjeb, bil-fondi miġbura jkunu aħjar mis-sena l-oħra.
Fost il-parteċipanti kien hemm ukoll preżentaturi, personalitajiet u bosta voluntiera illi taw il-kontribut tagħhom sabiex tkun tista’ tintlaħaq somma akbar li ser tkun qed tibdel għall-aħjar il-ħajja ta’ bosta li huma fil-bżonn.
//= $special ?>