Lokali

Konkorrenza tajba fil-Kurja għall-ftuħ tal-pubbliku

Għexieren ta’ nies ħadu l-opportunità tal-ftuħ tal-Kurja u attendew biex jaraw il-wirt storiku li toffri din il-binja – xogħol li jmur lura għall-1743.

Kelliema għall-Kurja qalu lil Net News li matul il-ġurnata tas-Sibt kienu madwar 700 persuna li żaru l-bini biex jammiraw u jitgħallmu fuq l-istorja tal-post.

Wieħed kellu l-opportunità jammira l-arkitettura Barokka li sawwar din il-binja flimkien ma’ diversi opri tal-arti li jinsabu fis-sala tar-refettorju, fil-kurituri, fis-sagristija u fil-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Manresa fejn hemm ir-relikwi ta’ San Kalċidonju.

Iżda biex jispjegalna iżjed fuq dan, Net News tkellem mas-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross fejn qalilna iktar x’offrew matul dawn il-jumejn.

Il-ftuħ tal-Kurja sar għall-ewwel darba sar minħabba raġuni partikolari.

Il-Kurja kienet magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa u fil-passat kienet tintuża biex wieħed jirtira mill-Belt Valletta joqgħod jitlob fil-kwiet ‘il barra mill-konfużjoni tal-istess belt.

Kemm ilha mibniha din il-binja intużat bħala barracks tas-suldati, sptar, u seminarju, sabiex finalment issa qed isservi bħala l-Kurja Arċiveskovili sa mill-1977. Il-Kurja kienet miftuħa għall-familja kollha matul tmiem il-ġimgħa b’diversi divertiment b’xejn bħala ċelebrazzjoni għall-festa ta’ San Kalċidonju.

Ritratti: Joseph Galea