Wara d-deċiżjoni tal-kunsilliera fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju tas-Sibt li ġej, fejn se jkunu mitluba jiddikjaraw jekk iridux li Adrian Delia jmexxi lill-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, irid jibda proċess ta’ riformi li jsiru fi sfond ta’ għaqda.
Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista ma’ il-mument u li fiha fisser li dan hemm bżonn li jsir biex il-partit dejjem iktar joqrob lejn il-poplu u jkun qrib il-bżonnijiet tiegħu.
Il-Kunsill Ġenerali Straordinarju ssejjaħ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara żewġ petizzjonijiet li huma kuntrastanti għal xulxin. Kien għal dan l-għan, “għas-saħħa tal-unità u t-tisħiħ tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista”, li l-Kap tal-partit isejjaħ hu l-Kunsill Ġenerali.
L-iskop tal-vot li qed jintalab mit-tesserati hu biex il-Partit Nazzjonalista jkollu t-trankwillità li għas-snin li fadal qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, tkun tista’ ssir il-ħidma li hemm bżonn. Hu għalhekk li hu importanti li jingħata mandat li jippermetti li jsiru bidliet u deċiżjonijiet diffiċli għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess waqt jinnota li l-għaqda waħidha mhux biżżejjed għall-Partit Nazzjonalista, jekk ma jinfetaħx għall-ideat, ikollu l-finanzjament neċessarju biex iwettaq il-ħidma neċessarja kif ukoll b’organizzazzjoni interna u politika tajba u qrib in-nies.
“L-għaqda timplika rieda tajba, u jien irrid nibni l-pontijiet u lest anke li nimxi l-pont kollu, u mhux biss nofs triq, jekk hemm ir-rieda tajba li nibnu partit li jaħdem għan-nies. Nifhem li se jkun hemm min mhux lest jagħmel il-parti tiegħu u dak li jkun hu liberu li jagħmel l-għażliet tiegħu imma mbagħad irid jerfa’ wkoll ir-responsabbiltajiet tiegħu,” sostna Adrian Delia.
Iddikjara li l-Partit Nazzjonalista “għandu bżonn riforma politika u ristrutturazzjoni u tibdil ta’ dak kollu neċessarju biex it-tmexxija tkun tista’ verament tiffoka fuq il-ħidma propja tagħha li ssaħħaħ il-partit internament u twessa’ tifrex u ddaħħal iktar nies fi ħdanu.”
Adrian Delia qal li hu għalhekk li qed jistieden lit-tesserati kollha biex jattendu għal dan il-Kunsill Ġenerali fejn se jkollhom l-opportunità li jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom fi proċess demokratiku fejn il-ħsibijiet tagħhom ikunu kkunsidrati.
“Irridu nimxu ’l quddiem imsaħħa u flimkien,” iddikjara Adrian Delia li qal li bil-vot tagħhom, it-tesserati se jwasslu messaġġ li jridu Partit Nazzjonalista li hu b’saħħtu biex ikun jista’ jaqdi dmiru.
Mistoqsi dwar xi jkun imiss wara dan il-Kunsill Ġenerali, Adrian Delia kien ċar: “Iktar ħidma.” Fl-istess waqt jinnota li l-ħidma qatt ma waqfet, u mhux biss b’diversi żjarat fl-irħula, postijiet tax-xogħol u fir-residenzi privati mal-familji Maltin u Għawdxin. Sar ukoll proċess ta’ laqgħat ma’ tesserati u dawk li ma jridux iħallsu t-tessera, ma’ kunsilliera imma wkoll ma’ assoċjazzjonijiet, gruppi tas-soċjetà ċivili fost oħrajn.
Adrian Delia qal li dawn il-laqgħat urewh li hawn ħafna, anke min hu xettiku fuq it-tmexxija, li hu mxennaq għal alternattiva, imwebblin li jkun hemm direzzjoni biex jirritornaw huma wkoll lejn il-Partit Nazzjonalista għax jemmnu fil-valuri tiegħu. Qal li biex dan isir, il-poplu jrid ikollu garanzija li kull idea se tiġi mqar ikkunsidrata, li min irid jikkontribwixxi jew joffri għajnuna jista’ u l-kritika tiegħu se tiġi mismugħa.
Dan kollu jrid ikompli u jżid fir-ritmu tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jikseb iktar ideat u jifhem iktar lis-soċjetà tal-lum biex iħejji r-riforma politika tiegħu.
“Il-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li wara sensiela ta’ telfiet elettorali, hemm bżonn li jifhem lis-soċjetà tal-lum, jara hux jifhem biżżejjed lis-soċjetà, u kif se jkun iktar rilevanti.”
Fisser ukoll dak li qed jissejjaħ bħala ġlied intern, imma li Adrian Delia jirreferi għalih bħala dibattitu u djalogu, bħala proċess li kellu bżonn isir biex issir il-bidla li hemm bżonn, kif wassallu messaġġ il-poplu permezz tal-vot.
Dan il-proċess beda wkoll bil-ħatra ta’ Louis Galea, f’xhieda ta’ dak li Adrian Delia jemmen fih: “Jien, it-tmexxija, it-tesserati waħidna m’aħniex il-Partit Nazzjonalista, imma aħna lkoll niffurmaw dan il-partit, inkluż dawk li fl-elezzjonijiet ma vvutawx.”
Louis Galea ngħata responsabbiltà wiesgħa, inkluż fit-tmexxija tal-AŻAD, biex flimkien mal-iktar firxa wiesgħa possibbli fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, isib l-ikbar ammont possibbli ta’ parteċipazzjoni li twassal għat-tibdil neċessarju.
Fl-istess waqt, il-ħidma u deċiżjonijiet li jridu jittieħdu se jkomplu għaddejjin, b’laqgħat regolari u b’responsabbiltajiet li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jagħti b’mod regolari lill-membri parlamentari Nazzjonalisti biex jaħdmu fuq suġġetti u ideat differenti.
Sadattant, matul is-sena d-dieħla l-Partit Nazzjonalista jiċċelebra l-140 sena mit-twaqqif tiegħu u għalhekk il-ħidma li qed issir, u fil-Konvenzjoni Ġenerali li trid issir skont l-istatut, twieġeb il-mistoqsija dwar jekk il-Partit Nazzjonalista hux 140 sena żagħżugħ jew inkella 140 sena antik.
Ma’ il-mument, Adrian Delia ddikjara li min-nirien li qed jitqajmu fi ħdanu, il-Partit Nazzjonalista jrid iqum iktar b’saħħtu u jqum għall-okkażjoni.
Fl-isfond ta’ dak kollu li seħħ internament fl-aħħar ġimgħat, il-ħidma tal-Oppożizzjoni kompliet xorta waħda. “Iltqajna għal diversi drabi bħala grupp parlamentari kif ukoll fl-amministrattiv u l-eżekuttiv, ġieli sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.”
Dan waqt li jfakkar ukoll li kompliet il-ħidma parlamentari fejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista rnexxielha ġġib titjib maġġuri fil-proposta mressqa mill-Gvern għall-privatizzazzjoni tal-korsa tal-Marsa.
“Kieku l-ftehim għadda kif riedu l-Gvern, id-dilettanti, sportivi, is-sidien taż-żwiemel u min isegwi l-isport ma kienx se jkollhom xejn garantit,” fakkar Adrian Delia li jinnota li din prattikament kienet biss għotja ta’ art mingħajr obbligu kuntrattwali li jsir l-investiment ta’ miljuni fl-isport.
Bil-ħidma tal-Oppożizzjoni, issa hemm rabta kuntrattwali li jintefqu €24 miljun fl-isport, apparti kundizzjonijiet aħjar u li ma jogħlewx it-tariffi għar-reġistrazzjoni taż-żwiemel iżda jiżdiedu l-premjijiet.
L-Oppożizzjoni kienet ċara wkoll li l-Gvern għal darb’oħra mhux iġib l-aqwa għall-poplu Malti u Għawdxi f’dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjoni tal-art tal-pubbliku. Dan, fil-ftehim mal-Grupp Corinthia, fejn il-Gvern neħħa diversi kundizzjonijiet.
Kien hemm ukoll ħidma f’dak li għandu x’jaqsam mal-proġett tas-Central Link bejn ir-Rabat u Ħ’Attard, bl-Oppożizzjoni li vvutat kontra dan il-proġett kontroversjali li se jġib qerda ta’ natura u art verġni.
“Naraha stramba li persuni li suppost qed jipproteġu l-ambjent jidhrilhom li ma kellhomx jivvutaw kontra jew imqar jitkellmu u jesprimu t-tħassib tagħhom. Min-naħa l-oħra kuntent li l-Partit Nazzjonalista u anke l-Kunsill Lokali kienu l-eqreb lejn in-nies u l-konsiderazzjonijiet ambjentali,” stqarr Adrian Delia.
Fl-istess waqt għamilha ċara li “l-Oppożizzjoni mhix kontra l-iżvilupp jew li jinstabu soluzzjonijiet għall-problema tat-traffiku, imma li hemm bżonn pjan ħolistiku. F’dan il-każ, l-Oppożizzjoni temmen li hemm wisq disparità bejn il-qerda ambjentali u l-ġid li jista’ jinħoloq.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu kuntent li f’dan il-każ, l-Oppożizzjoni tkellmet favur il-poplu Malti u Għawdxi, l-istess kif għamlet ukoll dwar il-politika u l-applikazzjonijiet tal-pompi tal-petrol, l-iżvilupp sostenibbli u l-ambjent.
Dwar l-ambjent, Adrian Delia qal li ma jistax ikun li “l-poplu jibqa’ jgħix f’pajjiż fejn it-trab ħiereġ minn kullimkien daqslikieku vulkani żgħar ta’ trab li qed iniġġes u joqtol in-nies b’rata ta’ għaxra fil-ġimgħa minħabba problemi respiratorji, kulħadd bħal donnu aljenat li l-ossiġnu li jtina l-ħajja hu dak li qed joqtolna.”
Qal li pajjiżna saħansitra jista’ jkun proġett pilota u eżempju għall-kumplament tad-dinja jekk nuru li verament jinteressana mill-ambjent, imma għall-kuntrarju s’issa l-Gvern qed jagħmel totalment il-kontra.
L-Oppożizzjoni se tkompli taħdem ukoll dwar it-talba għal inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u jekk dan setax jiġi evitat. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħansitra bagħat ittra personali lill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn joffrilu d-disponibbiltà li l-aġġornament tal-Parlament għall-vaganzi tas-sajf ikun pospost biex tkun diskussa t-talba għal inkjesta pubblika.
Madankollu, il-Prim Ministru għadu ma weġibx għal din l-ittra. Adrian Delia staqsa jekk wara dan kollu hemmx xi logħba. “Jista’ jkun li dak li qal il-Ministru Carmelo Abela, li se ssir inkjesta pubblika, ma jaqbilx ma’ dak li jrid il-Prim Ministru? Hu dan xhieda oħra tad-diviżjonijiet interni fi ħdan il-Partit Laburista, li hu tant tajjeb biex isikkithom?”
Minkejja dan, l-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti li tingħata t-tweġiba li l-familja Caruana Galizia, il-pajjiż u l-verità titlob li jkollna. L-Oppożizzjoni trid li dan l-assassinju jingħalaq b’inkjesta indipendenti li l-Gvern wiegħed imma s’issa għadu m’għamilx.